Il-General Workers’ Union laqgħet l-inizjattiva mħabbra mill-Gvern li taħseb biex tkompli ttaffi aktar il-piż tal-għoli tal-ħajja, permezz ta’ djalogu ma’ diversi importaturi u sidien ta’ supermarkets biex ikun hemm stabbiltà fil-prezzijiet ta’ ħmistax-il kategorija ta’ ikel essenzjali.
Dan intqal fi stqarrija mill-istess unjin, li qalet li, permezz ta’ dan il-pass, mill-bidu ta’ Frar, il-Gvern qed jiggarantixxi prezzijiet stabbli ta’ madwar erba’ mitt prodott bi ħmistax fil-mija mill-prezz li kellhom f’Ottubru li għadda u din l-istabbiltà se tibqa’ fis-seħħ sal-baġit li ġej.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, qal li bħala unjin tinsab sodisfatta b’din l-inizjattiva li tfisser aktar għajnuna biex tinżamm il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Bugeja semma wkoll is-sussidji mill-Gvern fi żmien ta’ sfidi bla preċedent biex żamm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels stabbli.
Il-General Workers’ Union irrakkomandat lill-Gvern biex jibqa’ viġilanti ħalli jara li ma jsiru l-ebda abbużi u f’każ ta’ dan ikun hemm pieni iebsin.