Il-General Workers’ Union laqgħet b’sodisfazzjon ir-riforma mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Roderick Galdes dwar il-kirjiet residenzjali ta’ qabel l-1995.
Fi stqarrija l-GWU qalet kif din ir-riforma mħabbra l-Gvern qed isib bilanċ bejn l-inkwilin u s-sidien ta’ dawn il-proprjetajiet. Dan il-bilanċ ser jintlaħaq billi ħadd ma jħallas iktar milli jiflaħ, filwaqt li s-sidien ser jirċievu dħul xieraq mill-kirja skont il-valur preżenti tal-istess proprjetà.
Spjegat kif it-twemmin tal-General Workers’ Union huwa mibni fuq il-ġustizzja soċjali u din ir-riforma tmur id f’id ma’ din il–viżjoni.
Qalet kif waqt il-laqgħa li saret din il-gimgha fil-Workers’ Memorial Building, bejn il-kabinett tal-Ministri u l-ogħla uffiċjali tal-GWU, iż–żewġ naħat tkellmu dwar l-importanza tal-ġustizzja soċjali u kif għandna naħdmu aktar biex noħolqu soċjetà li tgħin u twieżen lil dawk l-aktar fil-bżonn – soċjetà ġusta u ħanina.
Fil-ġranet li ġejjin il-General Workers’ Union ser tkun qed tiltaqa’ mal-Ministru Roderick Galdes biex tiddiskuti r-riforma f’aktar dettall u l-impatt tagħha fuq il-membri tagħna.