Il-General Workers’ Union laqgħet b’mod pożittiv il-fatt li Malta għandha l-akbar żieda fl-UE fl-għadd ta’ nies jaħdmu u tinsab b’fost l-akbar tkabbir ekonomiku fiż-żona Ewro – dan ħabbru l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, l-Eurostat.
Fi stqarrija s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal: “Ninsab sodisfatt bil-fatt li qed naraw li Malta rreġistrat l-akbar tkabbir fin-numru ta’ nies jaħdmu fost Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, meta pparagunat mat-tliet xhur ta’ qabel.
“Minkejja li bħala pajjiż għandna wkoll l-isfidi tagħna, fl-istess waqt xorta waħda qed naraw li l-ekonomija tagħna qed tkompli bl-irkupru b’saħħtu tagħha fosthom fis-settur tal-manifattura, tal-avjazzjoni, servizzi u fit-turiżmu.”
Huwa qal li wieħed mill-isfidi huwa proprju l-proċess edukattiv ta’ pajjiżna li jrid jiggarantixxi l-edukazzjoni kontinwa u aġġornamenti għall-ħaddiema li għandna llum u li se jkollna bżonn għada, edukazzjoni kontinwa tul ħajjithom kollha hekk kif fid-dinja tax-xogħol tal-lum il-kwalità hija kruċjali biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv u jkabbar il-ġid.
“Nemmnu u nagħmlu l-almu tagħna biex bħala msieħba soċjali naħdmu b’sinerġija flimkien mal-Gvern biex inkomplu nagħtu aktar serħan il-moħħ lill-ħaddiema u l-familji tagħhom,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali.