- Il-GWU lesta tiddiskuti dwar il-jiem ta’ festi fi tmiem il-ġimgħa
Il-General Workers’ Union laqgħet b’mod pożittiv il-proposta tal-Partit Laburista li wara l-elezzjoni li jmiss se jkun qed irodd lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, u li kienu insterqu mill-Partit Nazzjonalista lura fl-2005.
Il-GWU fakkret fi stqarrija li malli l-Gvern Nazzjonalista seraq dawn il-jiem hija fetħet każ u rebħitu quddiem l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fejn l-istess Gvern Nazzjonalista kien ikkundannat għal mod kif aġixxa u arbitrarjament indaħal fin-negozjar tel-ftehim kollettiv bejn l-unjins u min iħaddem.
Il-GWU stqarret li sa mill-2005 l-GWU dejjem tkellem favur li dawn il-festi pubbliċi jingħataw lura lill-ħaddiema.
“Issa li pajjiżna jinsab igawdi minn suċċess ekonomiku b’saħħtu u minn tisħiħ fil-produttività tal-pajjiż, il-Union hija sodisfatta li l-Partit Laburista ħa kont tas-sitwazzjoni u kkommetta lilu nnifsu li jroddhom lura,” spjegat il-GWU.
Il-GWU stqarret li hija lesta biex tkompli tiddiskuti kif dawn il-jiem, gradwalment jingħataw lura lill-ħaddiema.
Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija ukoll ħarġet stqarrija fejn qalet li nnotat il-proposti dwar btajjel pubbliċi li jinzertaw fi tmiem il-ġimgħa, imressqa mill-Partit Laburista.
Il-Kamra qalet li diġà ddiskutiet il-kwistjoni u hi tqisha bħala waħda magħluqa. Madanakollu qalet li trid tara d-dettalji tal-proposti li ressaq il-PL. Il-PN għadu ma pronunzja ebda proposta.