Il-General Workers’ Union kisbet l-għarfien ewlieni fil-Local Enforcement System Agency (LESA) wara li proċess ta’ verifika kkonkluda li l-Union għandha l-maġġoranza assoluta tal-impjegati bħala imsieħba tagħha. Għaldaqstant permezz ta’ hekk il-GWU hija l-Union li tista’ tirrappreżenta u tinnegozja b’mod kollettiv f’isem l-impjegati ta’ din l-entità.
Dan l-għarfien inkiseb wara li l-GWU talbet lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali jagħti bidu għall-proċess ta’ verifika bil-għan li jikkonferma li l-Union tgawdi mill-appoġġ tal-maġġoranza tal-impjegati. Mid-dokumenti ppreżentati kemm mil-LESA, mill-GWU kif ukoll mill-UĦM, urew li l-Union fil-fatt għandha l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema membri tagħha. Għaldaqstant id-Dipartiment għar-Relazzjoni Industrijali (DIER) ikkonkluda li l-GWU hija r-rappreżentanta ewlenija tal-impjegati.
Is-Segretarju tat-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella saħaq li huwa sodisfatt ħafna li l-GWU kisbet ir-rikinoxximent b’maġġoranza qawwija. Huwa wiegħed lill-ħaddiema tal-LESA li l-ewwel priorità tiegħu se tkun li jsir ftehim kollettiv ġdid. Fil-fatt fl-aħħar xhur saret sejħa biex jiġu mfassla l-proposti li qed jiġu ffinalizzati u fil-qrib se jitressqu għad-diskussjoni. Vella rringrazzja lix-shop stewards, lill-membri tal-kumitat u lill-imsieħba kollha tal-Union tal-fiduċja li qed juru fil-GWU.