Il-General Workers’ Union ikkundannat l-aħħar aggressjoni li saret fuq xufier ta’ tal-linja. Fi stqarrija esprimiet is-solidarjetà tagħha ma’ dan ix-xufier, u qalet li “ma tista’ qatt u fl-ebda ċirkostanza – hu x’inhu l-każ – taċċetta li ħaddiema jkunu aggrediti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom”.
Fi kliem il-Union, “la qatt kien u lanqas hu ġustifikat li xi ħadd jipprova jieħu r-raġuni jew ġustizzja b’idejh billi jwettaq att bħal ma seħħ. Atti li jistgħu jpoġġu fil-periklu l-persuna ta’ individwi oħra li jinzertaw fl-inħawi. Il-vjolenza qatt ma sservi biex jintrebaħ ir-raġun. Dan l-aħħar każ huwa turija ta’ dak li jgħaddu minnu ħaddiema li jkunu qed jaqdu dmirhom biex iwasslu servizzi essenzjali għall-pubbliku”.
Għaldaqstant il-GWU talbet li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-aggressur jieħu dak li ħaqqu, u appella lill-awtoritajiet biex iħarrxu l-pieni għall-atti li jseħħu kontra l-ħaddiema waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.