Fi stqarrija l-General Workers’ Union awgurat lill-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela għar-rebħa elettorali wara l-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda.
Il-General Workers’ Union appellat kif wara l-kampanja elettorali issa huwa l-waqt li kulħadd jaħdem flimkien, inkluż l-Oppożizzjoni biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tas-soċjetà Maltija.
F’din l-istqarrija, il-General Workers’ Union qalet li fix-xhur li ġejjin, Malta trid taffaċċja diversi sfidi, iżda temmen li jekk naħdmu flimkien kapaċi negħlbu dawn l-isfidi kif għamilna matul il-pandemija.
Intqal kif il-General Workers’ Union hija kommessa u disponibbli li taħdem mill-qrib mal-Gvern biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali u biex kulħadd jimxi ’l quddiem.