Fit-tieni jum tal-konferenza internazzjonali tal-General Workers’ Union iddominaw il-ħidma u l-kollaborazzjoni ta’ din it-trejd unjin għal aktar servizzi li lesta li toffri għall-membri tagħha. Infatti ġew iffirmati tliet Memorandum of Understanding mal-APS, eM@ney u Allied Rainbow Communities.
Bi ftehim mal-APS bank, il-GWU se tkun l-ewwel trejd unjin li se toffri s-servizz ta’ Skema ta’ Pensjoni Volontarja kemm individwali kif ukoll kollettiva fost l-imsieħba tagħha bl-iskop li tissalvagwardja lill-membri tal-GWU għal meta jiġu biex jirtiraw.
“Permezz ta’ dan il-ftehim il-GWU se tkun tista’ toffri pakkett tajjeb lill-membri tagħha. Proprju fil-jiem li ġejjin flimkien mal-Konsulent fil-Pensjonijiet David Spiteri Gingell se naħdmu biex nifformulaw numru ta’ strumenti edukattivi biex nispjegaw aħjar il-benefiċċji ta’ din l-iskema. L-iskema li tirrifletti l-qalb tal-unjin tagħna – il-wegħda li niddefendu d-dinjità, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tul ħajjithom,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
Il-Konsulent fil-Pensjonijiet David Spiteri Gingell u l-Head of Investment Distribution tal-APS Kenneth Genovese taw spjegazzjoni dettaljata dwar din l-iskema volontarja kollettiva tal-pensjonijiet u l-importanza ta’ edukazzjoni finanzjarja fost il-pubbliku.
It-tieni ffirmar ta’ Memorandum of Understanding kien proprju mal-istituzzjoni li tirrappreżenta l-futur tal-finanzi u l-evoluzzjoni tal-mod kif nimmaniġġjaw flusna – Em@ney plc.
Permezz ta’ dan l-iffirmar il-membri tal-GWU se jkunu pprovduti b’servizz innovattiv, servizz diġitali biex l-imsieħba jgawdu minn benefiċċji u skont f’diversi ħwienet.
“L-għan tal-GWU huwa li tagħti valur akbar għall-miżata mħallsa minn kull imsieħeb. Servizz innovattiv, konvenjenti u fuq kollox sigur imfassal biex jissodisfa t-talbiet tad-dinja moderna,” qal id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri fl-introduzzjoni tiegħu ta’ din il-Master Debit Card tal-GWU.
Camilleri żied jgħid li l-GWU se tkun l-ewwel unjin li se tkun qed tipprovdi dan is-servizz lill-membri tagħha biex tibni komunità b’saħħitha u kbira fl-istituzzjoni Fintech.
Benefiċċju ta’ kont bankarju immedjat għall-impjegati lokali u barranin li se jiffrankalhom mill-battikata tat-trasferiment bankarju tal-pagi.
Bruno Soutinho, Head of Business Development and Commercial Strategy fl-istituzzjoni em@ney ta spjegazzjoni dwar din l-istituzzjoni u s-servizz li toffri.
It-tielet ftehim sar flimkien mal-Allied Rainbow Communities. Kollaborazzjoni li għandha ġġib għall-GWU aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ filwaqt li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’kull post tax-xogħol mal-ARC.
“Hekk kif iż-żewġ organizzazzjonijiet iħaddnu l-prinċipji ta’ dinjità u nklussività filwaqt li aħna kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni qegħdin niffirmaw dan il-ftehim li qed jikkonkratizza l-kollaborazzjoni bejnietna fuq id-drittijiet tal-LGBTIQ+ u l-inklussività,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.
Hawnhekk ġiet mistiedna l-President tal-Allied Rainbow Communities Maria Azzopardi tati l-intervent tagħha dwar din l-organizzazzjoni li l-missjoni tagħha hi li tilħaq il-kuluri kollha tal-qawsalla tagħna u lil hinn, filwaqt li tippromwovi aktar tkabbir fil-komunitajiet tagħna u toħloq opportunitajiet għas-soċjetà speċjalment lin-nies u l-alleati tal-LGBTIQ+.
Fil-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-konferenza internazzjonali tal-GWU id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kevin Camilleri, saħaq li din l-organizzazzjoni tul l-eżistenza tagħha dejjem kienet katalista biex tixpruna t-titjib fid-dinja tax-xogħol.
“80 sena ta’ storja ta’ din l-akbar u l-aqwa unjin f’pajjiżna. 80 sena li sawru l-ħaddiem,” qal is-Sur Camilleri.
Huwa stqarr li l-protezzjoni soċjali hi dritt fundamentali u anke l-pern tal-GWU li kull ħaddiem ikollu aċċess għall-benefiċċju essenzjali tal-kura tas-saħħa, pagi ġusti u rtirar mistħoqq. Din tfisser ukoll li jiġu protetti l-vulnerabbli u l-emarġinati minn tbatijiet ekonomiċi.
Tkellem dwar l-irwol tal-GWU fil-promozzjoni tas-sostenibilità fuq il-post tax-xogħol u lil hinn, li dan ifisser illi l-adozzjoni ta’ prattiċi ekoloġiċi, appoġġ għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli u promozzjoni ta’ politiki li jipproteġu l-ambjent ta’ madwarna għall-ġenerazzjoni futuri se jkunu l-pilastri ta’ għada.
Huwa temm jgħid li l-GWU temmen bis-sħiħ li qatt daqs illum, il-ħaddiema tagħna għandhom jissieħbu f’unjin biex id-drittijiet li nkisbu ma jintilfux u jkunu preparati u attrezzati għal-futur tad-dinja tax-xogħol u l-isfidi li se tkun qed toffri.
Il-konferenza kienet tikkonsisti wkoll minn żewġ diskussjonijiet iffokati fuq it-tema tal-konferenza. L-ewwel diskussjoni kienet titratta kif jista’ jkollna futur aħjar permezz tal-protezzjoni soċjali u d-dinjità. L-għan tagħha kien li titfa’ dawl fuq l-importanza tat-titjib tal-protezzjoni soċjali tagħna, it-trawwim tad-dinjità fil-komunitajiet tagħna u f’kull post tax-xogħol u l-aspetti usa’ tad-drittijiet tal-bniedem.
Filwaqt li l-objettiv tat-tieni diskussjoni kien li l-panel mistiedna tesplora u tenfasizza r-rwol kritiku tal-innovazzjoni u l-investiment sostenibbli fit-tiswir ta’ futur aktar promettenti.
Hawnhekk il-panel indirizzat is-sinifikat tal-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-involviment tal-ġenerazzjonijiet futuri u ż-żgħażagħ fl-ippjanar u l-kisba ta’ futur sostenibbli.
Il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fl-għeluq tal-konferenza kien li l-General Workers’ Union kienet minn ta’ quddiem fil-battalja għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u l-prosperità ekonomika f’Malta.
“Vjaġġ li nbeda 80 sena ilu, nhar il-5 ta’ Ottubru 1943, u li baqa’ miexi ‘l quddiem mal-milja tas-snin. Vjaġġ li wera kemm il-GWU kienet protagonista fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż.”
Tenna li l-vjaġġ li baqgħet miexja fih l-unjin kien wieħed ta’ dedikazzjoni u llum il-GWU tinsab hemmhekk biex tfakkar mhux biss l-istorja tal-GWU, iżda biex tħares ‘il quddiem b’determinazzjoni lejn futur li jinkwadra l-prinċipji tad-dinjità tal-persuna, il-protezzjoni soċjali, l-innovazzjoni u s-sostenibilità.
Temm jgħid li l-GWU għadha relevanti daqs kemm kienet fl-imgħoddi. Tant li llum qed tiċċelebra t-80 sena u hekk se tibqa’ tagħmel fil-ġejjieni.