Il-General Workers’ Union u l-Malta Air Traffic Services iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tat-taqsima AIM & Training. Din it-taqsima ġdida tiġbor fiha impjegati li kienu mifruxa f’diversi sezzjonijiet oħra.
Fi stqarrija l-GWU spjegat li grazzi għal dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema gawdew minn żidiet fil-pagi, titjib fil-kundizzjonijiet ġenerali u aġġustament fil-gradi.
Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni tal-GWU Sandro Vella qal li n-negozjati ta’ dan il-ftehim kollettiv kienu impenjattivi, minħabba li diversi sezzjonijiet riedu jkunu assimilati f’taqsima li kienet kompletament ġdida: “Fil-fatt id-diskussjonjiet ħadu fit-tul għaliex ridna nassiguraw li l-proċess ikun wieħed komplut u li jintegra b’mod pożittiv id-diversi gradi. Nemmen li dan il-ftehim, li jkopri bejn l-2013 u l-2019, huwa bażi soda li permezz tiegħu l-ħaddiema u l-MATS ikunu f’pożizzjoni li jsaħħu u jespandu l-operat tagħhom.”