Il-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi iffirmat Ftehim Kollettiv ieħor mal-Malta Association of Cash-in-Transit and Vaulting Operators (MACTO). Dan huwa it-tieni Ftehim Kollettiv iffirmat ma din l-assocjazzjoni li tkopri kumpaniji li jispeċjalizzaw fil-ġarr tal-flus u vaulting.
Dan huwa settur speċjalizat li jirrikjedi investiment u taħriġ partikulari. Kien pożittiv li l-kumpaniji tas-sigurtà f’dan il-qasam iffurmaw din l-assoċjazzjoni u għarfu l-bżonn li jerġgħu iġeddu Ftehim Kollettiv għal ħaddiema tagħhom. Dan huwa inċentiv biex ħaddiema fis-settur tas-sigurtà javvanzaw fil-karriera tagħhom.
Il-Union tappela lil kumpaniji, dipartimenti tal-Gvern u negozji biex jagħmlu użu mis-servizzi speċjalizati li joffru dawn il-kumpaniji għal ġarr tal-flus u hekk jevitaw riskji żejda għal impjegati tagħhom. Il-kumpaniji fil-MACTO iridu josservaw standards u regoli ta’ sigurtà għolja għal benefiċċju tal-ħaddiema u l-klijenti tagħhom.
Dan il-Ftehim Kollettiv ġie ffirmat minn Charlie Galea, Theo Vella u mir-rappreżentati tal-ħaddiema f’isem il-GWU filwaqt li Mark Gatt, Julian Dimech u Bernard Vella ffirmaw f’isem il-MACTO.