Il-General Workers’ Union iddikjarat tilwima industrijali ma’ NetEnt u Evolution Gaming Group, kumpanija tal-gaming li qed twettaq ristrutturar. Fi stqarrija, il-GWU qalet Ii l-kumpaniji inkwistjoni naqsu li jirrikonoxxu lill-unjin bħala rappreżentanta tal-ħaddiema għall-iskop ta’ sensji kollettivi.
Il-unjin qalet ukoll li l-kumpaniji rrifjutaw li jipprovdu dikjarazzjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet għas-sensji, il-kriterji proposti għall-għażla tal-impjegati li ser jiġu ssensjati u dettalji dwar xi kumpens dovut għal tmiem ta’ kuntratt ta’ servizz fost oħrajn. Il-GWU qalet li l-kumpaniji qed jużaw prattiċi anti-trejdunjonistiċi u għalhekk żammet id-dritt li tieħu azzjonijiet industrijali.
Fil-jiem li għaddew, il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija qal li għaddej b’diskussjonijiet dwar impjieg alternattiv għal min ġie affettwat mir-ristrutturar li qed isir fi ħdan il-kumpanija Evolution Gaming. Dan wara li l-akkwist tal-kumpanija NetEnt wassal għall-għeluq ta’ xi linji tan-negozju f’Malta u pajjiżi oħra ta’ Evolution Gaming, u l-Gvern qed jaħdem biex jiffaċilita t-transizzjoni bla xkiel ta’ impjegati li jinsabu f’riskju li jitilfu xogħolhom b’riżultat ta’ dan ir-ristrutturar.
L-impjegati milquta jistgħu jirreġistraw għal impjieg alternattiv minn fuq is-sit ta’ Jobsplus http://jobsplus.gov.mt. L-istess JobsPlus qed toffri servizz apposta ta’ appoġġ biex ikun identifikat xogħol alternattiv għal dawn il-persuni, u l-uffiċjali jinsabu f’kuntatt mat-tmexxija tal-kumpanija biex jikkordinaw dan is-servizz. Fl-istess waqt twaqqfet ukoll linja ta’ għajnuna fuq in-numru 22201251. Il-Fondazzjoni Gaming Malta tinsab ukoll f’diskussjonijiet ma’ operaturi oħra tal-logħob li għandhom opportunitajiet ta’ xogħol.