F’reazzjoni għall-budget il-General Workers Union qalet li s-sostenibilità ekonomika ta’ pajjiżna kienet il-pern li fuqu ġie mfassal u mibni l-Budget 2020 u dan kien rifless fl-ewwel reazzjoni kemm tal-General Workers’ Union kif ukoll tal-imsieħba soċjali.
Il-General Workers Union sosniet li dan il-budget huwa pass ’il quddiem biex nibdew it-triq li twassalna għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ta’ pajjiżna ħalli anke huma, grazzi għall-ħidma li qed iwettqu, ikunu jistgħu jgawdu mill-ġid li qed jinħoloq. Hekk kif għal darb’oħra dan il-Gvern ippreżenta budget li jwieżen lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, nemmnu li minn issa għandna nidħlu f’diskussjonijiet mal-Gvern ħalli għall-Budget 2021 jitfasslu miżuri li jolqtu aktar lill-klassi medja ta’ pajjiżna, li fil-parti l-kbira tagħha hija magħmula mill-klassi tal-ħaddiema.