Illum il-General Workers’ Union qed tiċċelebra d-79 sena ta’ ħidma tagħha favur dawk l-aktar vulnerabbli, il-ħaddiema u l-membri. Quddiem il-monument tal-Ħaddiem fl-Imsida, l-amministrazzjoni u s-Segretarji tat-Taqsimiet tal-GWU poġġew fjuri bħala simbolu ta’ tislija u apprezzament, b’minuta silenzju għal Tony Zarb.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja fakkar li wara sentejn ta’ sfidi minħabba l-pandemija issa l-ħaddiem qed jaffaċċja sfidi oħra kawża tal-invażjoni fl-Ukrenja mill-armata Russa. Żied jgħid li minbarra hekk l-effetti tal-gwerra qed jinħassu madwar id-dinja kollha, fosthom l-inflazzjoni li qed tilħaq livelli rekord.
Semma’ li fir-rigward taż-żieda tal-għoli tal-ħajja, l-GWU mill-ewwel ħadet pożizzjoni kontra kull tibdil fil-mekkaniżmu, madankollu bħal dejjem il-GWU tibqa’ disposta li tiddiskuti għall-futur biex ittejjeb dan il-mekkaniżmu. Tenna li l-Gvern għandu wkoll jaħdem biex ikun hawn trasparenza fil-prezzijiet u biex ma jkunx hawn ‘skjavitù moderna’.
Is-Segretarju Ġenerali kompla jisħaq dwar l-importanza tal-flessibilità fil-ħin tax-xogħol, flimkien mas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur.
Ippropona wkoll żieda fil-pensjonijiet u saħaq fuq investiment fi skejjel vokazzjonali għal aktar ħaddiema b’ħiliet diversi.