“Il-mewta traġika ta’ ħaddiem Libjan li waqa’ minn għoli ta’ seba’ sulari waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni, turi b’mod ċar li għad hawn min jaħseb li r-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol jista’ jiġi jaqa’ u jqum minnhom. Il-filmat ippubblikat juri l-irresponsabbiltà ta’ min iħaddem li ma assigurax li l-ħaddiema tiegħu jkunu liebsa l-ilbies protettiv li jipprovdilhom rbit sikur.” Kienet din ir-reazzjoni tal-General Workers’ Union b’rabta mal-filmat imxandar onlajn tal-istess ħaddiem.Il-GWU fakkret li hija r-responsabbiltà ta’ min iħaddem li jassigura li l-post tax-xogħol ikun verament ħieles mir-riskji għall-ħaddiema. Fl-istess waqt il-ħaddiema għandhom ikunu konxji mir-regolamenti dwar is-saħħa u sigurtà. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Awtorità Maltija għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tingħata l-mezzi kollha meħtieġa biex tassigura li dawn ir-regolamenti jkunu osservati kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-istess ħaddiema.
Il-General Workers Union, filwaqt li wriet is-sogħba tagħha għal dan l-inċident traġiku li seħħ f’Tas Sliema, saħqet li pajjiżna qatt ma jista’ jaċċetta li fiż-żminijiet tal-lum għad hawn ħaddiema li għadhom jaħdmu f’siti ta’ kostruzzjoni mingħajr ebda protezzjoni jew it-tagħmir meħtieġ.
Filwaqt li r-responsabbiltà kollha li l-post tax-xogħol ikun ħieles mir-riskji taqa’ fuq min iħaddem, il-GWU nsistiet li l-ħaddiem m’għandux jabbuża u jieħu riskji li jista’ jkollhom tmiem traġiku.
Fl-isfond ta’ dan il-GWU appellat lill-ħaddiema biex jekk għandhom dubju dwar ir-riskju li qed jaħdmu fih jew iħossu li ma ngħatawx it-tagħmir meħtieġ, jagħmlu kuntatt magħha biex jiċċaraw is-sitwazzjoni tagħhom. Tistqarr li l-preżenza tal-Union fuq il-post tax-xogħol tassigura li r-riskji jitnaqqsu u min iħaddem jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu.