Il-General Workers’ Union fakkret l-erbgħa u erbgħin sena mill-kisba tal-Ħelsien fil-31 ta’ Marzu tal-1979.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, flimkien ma’ membri mill-unjin, poġġew fjuri fuq l-Għolja tal-Ħelsien, fil-Birgu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, sostna li l-kisba tal-Ħelsien kienet pass storiku għal pajjiżna.
“Il-fatt li hemm telgħa wieqfa u iebsa hija l-ħajja, il-ġlidiet li għamlu missirijietna biex, fil-31 ta’ Marzu tal-1979, irbaħna u ġibna l-Ħelsien: xi ħaġa li kellna rajna f’idejna u minn hemmhekk stajna nifformulaw u niffissaw il-futur ta’ kull ċittadin. Illum il-ġurnata qed niċċelebraw dak il-Ħelsien, imma wkoll qegħdin niġġieldu għal affarijiet oħrajn bħalma hija l-intolleranza, l-abbużi, id-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, kwalunke tip ta’ mibgħeda lis-soċjetà tagħna, tagħmel ħafna ħsara, u s-sinifikat tal-Ħelsien huwa li neħilsu minn dan kollu u nkunu poplu magħqud taħt il-bandiera ta’ Malta.”