Il-General Workers’ Union poġġiet il-fjuri f’riġlejn il-monument tal-Ħelsien it-Tlieta filgħodu, b’sinjal ta’ rikonoxximent għat-tbatija li għaddew minnha ġenerazzjoni wara oħra ta’ Maltin biex sa fl-aħħar irnexxielhom ikollhom rajhom f’idejhom.
“Il-preżenza tagħna mhix biss biex insellmu l-kisba ta’ missirijietna, iżda wkoll turija ta’ kburija li, bħala General Workers’ Union konna protagonisti biex pajjiżna jikseb il-ħelsien minn kull ħakma,” qal is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, f’diskors tal-okkażjoni.
Qal li l-GWU issellem il-memorja tas-Segretarju Ġenerali Ġorġ Agius li, 45 sena ilu, xegħel it-torċa tal-Ħelsien mal-Prim Ministru Dom Mintoff.
Bugeja tenna li, dan l-akbar avveniment, iġiegħelna nħarsu lejn il-futur b’qawwa u determinazzjoni mġedda. Fakkar fil-proposta tal-GWU favur leġiżlazzjoni biex kull ħaddiem ikun imsieħeb fi trejdunjin tal-għażla tiegħu “biex niżguraw xogħol ta’ kwalità”.