Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja, iddikjara li hu ta’ sodisfazzjon kbir li l-proposta tal-unjin ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali, hija waħda mill-prijoritajiet ta’ Chris Fearne li qed jikkontesta l-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista.
Josef Bugeja spjega li l-General Workers Union ilha għaddejja b’din il-kampanja tliet snin biex jiddaħħal dan il-kunċett u jinsab sodisfatt li dak li qed jaspira li jkun Prim Ministru ta’ Malta għandu din il-proposta bħala prijorità.
Bugeja sostna: “Xi ħaġa li li ilna niġġieldu ħafna għaliha matul dawn l-aħħar tliet snin. Daħħalna diversi miżuri biċċiet biex ngħaqqdu gruppi imma l-fatt li qed jiddikjara li ħa jdaħħalha mal-Gvern kollu, fl-entitajiet, huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li ħa naqbdu ħafna nies ħaddiema li huma vulnerabbli li qed jagħmlu l-istess xogħol imma mhumiex jieħdu l-istess benefiċċju u l-istess paga u dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina.”
Chris Fearne ddikjara li jekk jingħata l-fiduċja, se jara li l-pagi ta’ kull min jaħdem f’entità, dipartiment jew Ministeru tal-Gvern ikunu ugwali, billi jidħol fis-seħħ il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali.