Fi stqarrija l-GWU qalet li tessiġi li dawk kollha involuti f’dan l-aħħar inċident tal-kostruzzjoni li ssarraf f’mewt ta’ mara innoċenti jassumu r-responsabilità kollha. Il-familja Pace tessiġi ġustizzja, il-poplu Malti qed jessiġi ġustizzja.
“Huwa fatt ċar li jeżisti nuqqas ta’ infurzar u adderenza fl-industrija tal-kostruzzjoni. Din it-traġedja hija riżultat ta’ arroganza minn ċertu kuntratturi, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ sigurtà stabbiliti u jaderixxu magħhom. Dan japplika kemm għal ġewwa s-sit tal-kostruzzjoni kif ukoll fil-proprjetajiet li jinsabu jmissu mal-post ta’ kostruzzjoni”, qalet il-GWU.
Il-GWU sostniet: “Jidher ċar li dan huwa każ ieħor ta’ traskuraġni li wassal għall-mewt ta’ omm u familja oħra spiċċat bla saqaf fuq rasha u tilfet dak kollu li bniet matul ħajjithom. Jidher ċar li dan huwa każ ieħor ta’ min jaħseb li l-liġijiet ma japplikawx għalih. Huwa fatt ċar li ċertu kuntratturi tal-bini huma irresponsabbli, jinjoraw kull regolament eżistenti u jikkalpestaw id-dritt taċ-ċittadini li jgħixu fil-paċi ta’ darhom. Huwa dritt sagrosant ta’ kull persuna li jkun protett ġewwa daru, li jkun moħħu mistrieħ u li jgħix fil-paci ta’ daru. Id-dritt li tgawdi darek għandu jkun ʼil fuq mid-dritt ta’ żvilupp. Iż-żmien tal-kliem għadda, issa wasal iż-żmien tal-azzjoni. Azzjoni konkreta u ħarxa kontra min jabbuża.”
Il-GWU saħqet li għandha tittieħed azzjoni immedjata, infurzar ta’ regolamenti, effiċjenza fit-twettiq tal-ġustizzja u protezzjoni taċ-ċittadini kollha.
Il-General Workers’ Union ħabbret ukoll li waqqfet kont bankarju biex dawk il-hadddiema li jixtiequ jikkontribwixxu biex nghinu lil dawn il-familji f’dan il-mument li l-aktar li għandhom bżonn.
“Ħadd ma jista’ jġib lura lil din il-mara u omm u l-ebda azzjoni ma tista’ tfarraġ il-familja Pace iżda Miriam Pace u kull vittma oħra tal-industrija tal-bini ħaqqhom ġustizzja. F’dan il-mumenti iebsin, il-ħsieb u s-sogħba tagħna huma mal-familja Pace. Kondoljanzi lill-familjari għal din it-telfa wisq iebsa”, temmet tgħid l-istqarrija tal-GWU.