Il-General Workers’ Union tingħaqad mas-soċjetà ċivili billi tesprimi l-awgurju sinċier tagħha lit-tabib George Vella għan-nomina tiegħu bħala President tar-Repubblika.
Il-GWU hija konvinta li t-tabib Vella se jkun qed iwettaq id-dmirijiet tiegħu bħala Kap tal-Istat b’integrità sħiħa, bl-istess mod li dejjem iddistingwietu fil-ħajja pubblika tiegħu.
Għaldaqstant il-GWU temmen li l-għażla tat-tabib Vella se tikseb ir-rispett mistħoqq mill-istrati kollha tas-soċjetà f’pajjiżna u b’hekk ikompli jkabbar ir-rispett lejn il-kariga ta’ President li tissimbolizza l-għaqda nazzjonali.
Il-GWU min-naħa tagħha tħeġġeġ lit-tabib Vella biex bħal preċedessuri tiegħu jaħdem ħalli l-Presidenza tibqa’ tkun viċin il-poplu u għall-poplu u tkompli tixpruna l-ħidma għall-progress soċjali.
Il-GWU f’dan il-mument ukoll ma tistax ma tirringrazzjax lill-President ta’ Malta attwali Marie Louise Coleiro Preca, li ħadmet bis-sħiħ biex isservi b’mod dinjituż l-ideali tar-Repubblika ta’ Malta u li dejjem ipprattikat dak li temmen fih dik li l-poplu u l-ħaddiema jkomplu jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tagħhom.