F’laqgħa li kellhu mal-General Workers Union, il-kandidat għall-elezzjoni tal-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela tkellem dwar l-importanza ta’ ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali. Huwa spjega kif dan ifisser li kull ħaddiem ħaqqu ħlas diċenti għax-xogħol li huwa jagħmel kif ukoll li kull ħaddiem li jagħmel xogħol daqs ħaddiem ieħor ħaqqu li jitħallas daqs il-ħaddiem l-ieħor irrispetivament jekk hux impjegat mal-kuntrattur jew direttament mal-prinċipal.
Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tkellem favur din il-proposta mressqa mid-Deputat Laburista Robert Abela għaliex qal li sitwazzjoni fejn ħaddiema li jaħdmu l-istess xogħol jitħalsu paga differenti hija inaċċetabbli.
Bugeja sostna: “Ma jistax ikun li nibqgħu iktar nittolleraw sitwazzjoni fejn ħaddiema li qed jagħmlu l-istess xogħol imma jitħallsu b’mod differenti u meta qed ngħidu jitħalsu b’mod differenti, la jieħdu allowances, la jieħdu benefiċċji, li l-kundizzjonijiet huma differenti. Jien nemmen li f’kull organizazzjoni bħala GWU għandhom ikollhom l-istess kundizzjonijiet u l-istess ħlasijiet.”
Dr Robert Abela temm jgħid li permezz ta’ din il-proposta li qed iressaq il-quddiem inkunu qed niżguraw li l-ġid ekonomiku li għandna ġenerat f’pajjiżna jitgawda minn kulħadd biex inkomplu nkunu partit li nemmnu fil-ġustizzja soċjali sabiex verament nimxu flimkien ‘il quddiem.