Fi stqarrija l-General Workers’ Union esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dak li ħabbar f’dawn il-jiem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta wera r-rieda tiegħu li sas-sena d-dieħla jrid li jintlaħaq qbil dwar l-introduzzjoni ta’ leave mediku għall-ħaddiema li qed ibatu mill-marda tal-kanċer; kif ukoll li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur għall-ħaddiema tal-kuntratturi li qed jagħtu servizz fis-settur privat.
Il-GWU faħħret l-impenn tal-Prim Ministru għaliex fehem il-ħtieġa tal-proposta għal-leave mediku. Liema proposta il-GWU – wara ħidma ma’ Europa Donna Malta – ressqet bħala parti minn pakkett ta’ proposti għall-Baġit 2017. Kien fl-istess pakkett ta’ proposti għall-Baġit 2017 li l-GWU għamlet ukoll il-proposta għat-tisħiħ tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur li għandha tiġġieled b’aktar saħħa l-prekarjat f’pajjiżna.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, sostna li ż-żewġ proposti tal-unjin, li jifformaw parti minn pakkett wiesa’ ta’ proposti, kien maħsub biex jagħtu aktar dinjità lil faxxex akbar ta’ ħaddiema. Huwa qal li dan il-leave mediku se jgħin biex itaffi t-tbatija li jgħaddu minnha l-ħaddiema li jkunu qed jirċievu kura kontra din il-marda.
Fl-istess waqt s-Segretarju Ġenerali qal li t-tisħiħ tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali għandu jgħin lil ħafna ħaddiema tal-kuntratturi biex joħorġu miċ-ċiklu prekarju: “Il-ħsieb ta’ din il-proposta huwa li biex dawn il-gruppi ta’ ħaddiema jtejbu l-livell ta’ għajxien tagħhom, dawn ma jibqgħux ikunu mċaħħda milli jgawdu mill-benefiċċji u kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-kumpanija li fiha jkunu qed jagħtu servizz.”
Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja tenna li dawn il-proposti juru l-impenn tal-GWU biex tkun preżenti aktar f’oqsma li mhumiex neċessarjament marbuta ma’ relazzjonijiet industrijali, iżda għandhom aspett aktar soċjali.