Il-General Workers’ Union iddispjaċieha għal mod ta’ kif il-Partit Nazzjonalista qed jieħu kull okkażjoni biex jattakka lill-GWU bl-iskop li jiprova jirbaħ vantaġġ politiku partiġjan.
Fi stqarrija l-GWU spjegat li wħud mill-istess nies li qed jikkritikaw l-iskema kienu jew parti mill-kabinet jew involuti fis-servizz pubbliku meta skema simili kienet imħaddma bil-prekarjat fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista.
F’artiklu fuq l-Independent f’Awwissu tal-2009 bit-titlu Working In The Community dak li kien is-Segretarju Parlamentari għall-Informazzjoni u Djalogu Soċjali Chris Said kien qal li minħabba l-kumplessità u l-ispejjeż biex din l-iskema titħaddem kienet se tkun f’data f’idejn entità privata.”
Il-GWU qal li għaldaqstant l-argumenti li qed jinġiebu llum mill-esponenti nazzjonalisti, u minn ċerti membri, tal-midja wieħed irid jikkunsidrahom li mhumiex attakki fuq it-tħaddim tal-iskema nnifisha, iżda fuq il-fatt li l-istess skema hija operata minn Fondazzjoni tal-GWU. Dan wara proċess ta’ tender li kien miftuħ, trasparenti u li kulħadd seta’ jitfa’ l-offerta tiegħu. Xi ħaġa li għamlu żewġ kumpaniji privati oħra.
Il-GWU għamlet referenza għal dak li ntqal mill-kelliem nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici u qalet li l-iskema inbidlet minn meta ddaħlet u kienet topera b’kundizzjonijiet prekarji fi żmien li hu kien Ministru nazzjonalista.
Il-GWU spjegat li d-differenza hi li dawn il-ħaddiema, taħt l-iskema imħaddma mill-Gvern Nazzjonalsita, kienu jitħallsu 75% tal-paga minima; f’għajnejn il-liġi ma kienux ikkunsidrati bħala impjegati u għalhekk la kienu protetti u lanqas kienu jgawdu mill-benefiċċji bħal ħaddiema oħra bħal ma huma leave, sick leave, leave ta’ korriment u kull tip ta’ allowance oħra.Bit-tibdil li sar fl-iskema tal-lum dan m’għadux iseħħ. Il-ħaddiema qed jieħdu l-paga minima sħiħa, il-bonuses u l-benefiċċji kollha skont il-liġi li jgawdu minnhom ħaddiema li jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa.
Il-GWU esprimiet li għandha dritt, bħall-imsieħba soċjali oħra, li tagħmel offerti għall-kuntratti tal-Gvern.