Il-General Workers’ Union esprimiet is-sogħba tagħha għat-tħabbira tal-mewt ta’ Ronnie Pellegrini li għal diversi snin serva f’numru ta’ karigi fi ħdan l-organizzazzjoni fosthom bħala Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport, Segretarju tat-Taqsima Metall kif ukoll f’karigi maniġerjali fil-kumpaniji sussidjarji tagħha. It-tħabbira tal-mewt ta’ Ronnie Pellegrini tfisser ukoll li l-GWU tilfet ħabib li sal-aħħar baqa’ jemmen fil-prinċipji li jsawru mixjet il-ħaddiema.
Il-GWU qalet li se tibqa’ tfakkar il-memorja ta’ Ronnie Pellegrini li sal-aħħar ta’ ħajtu baqa’ jgħożż il-prinċipji li sawruh fil-ħidma trejdunisitika tiegħu dik li jaħdem favur il-ħaddiema u l-persuni l-aktar vulnerabbli. Kien persuna li ma waqaf qatt jaħdem biex iseħħu l-prinċipji soċjalisti li huwa kien jemmen fihom u jħaddan.
Il-GWU tat il-kondoljanzi tagħha lill-familja u l-qraba ta’ Ronnie Pellegrini għat-telfa li huma ġarrbu bil-mewt tiegħu.