Minkejja li kienet strumentali biex tinħareġ liġi li tkopri l-ħaddiema couriers fuq diversi pjattaformi, il-General Workers’ Union qalet li xorta waħda għadhom isiru diversi abbużi minn min iħaddimhom.
Dan intqal f’laqgħa li saret bejn rappreżentanti tal-GWU u numru ta’ ħaddiema couriers mal-Bolt, fejn l-unjin talbet li jkun hemm aktar viġilanza u inforzar fuq min għadu qed jabbuża.
Dan wara li mijiet ta’ ħaddiema mill-pjattaforma diġitali tas-servizz tal-ikel u tax-xiri, Bolt Food, ħarġu fuq strajk fi tmiem il-ġimgħa biex jipprotestaw dwar il-ħlasijiet baxxi li jingħad qed jingħataw għal kull konsenja wara li ġiet stabbilita għall-ġranet kollha l-istess, differenti minn ftit qabel.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, pubblikament ta l-appoġġ tiegħu lill-ħaddiema li qed isemmgħu leħinhom fuq il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom, filwaqt li ħeġġeġ lill-ħaddiema biex jissieħbu f’unjin u biex ifittxu l-bieb tal-Ministeru ħalli tingħatalhom kull għajnuna neċessarja.
Meta tkellem fil-Parlament, hu qal ukoll li dawn l-allegazzjonijiet ta’ sfruttar qed jiġu investigati, waqt li wissa kontra xi forma ta’ vendikazzjonijiet ma’ tali ħaddiema jew li xi ħadd jaħseb li jista’ jneħħihom u japplika għal ħaddiema oħrajn ġodda flokhom. Qal li, bħala Gvern jew awtoritajiet, se jieqfulhom bis-saħħa.
Fi stqarrija, il-GWU qalet li hi qajmet il-kwistjoni dwar dan l-isfruttament fuq fora nazzjonali, meta organizzazzjonijiet tax-xogħol bdew jużaw is-servizz ta’ dawn il-ħaddiema minn fuq diversi pjattaformi, hekk kif dawn lanqas kienu jitqiesu bħala ħaddiema.
Waqt il-laqgħa, l-uffiċjali f’isem il-GWU ġew informati li dawn il-ħaddiema mhux qed jitħallsu paga minima u kummissjoni, iżda kummisjoni miżera biss. Minbarra hekk, il-ħaddiema mhumiex koperti b’assigurazzjoni personali li tkoprihom f’każ ta’ aċċidenti.
Intqal ukoll li għal dawn il-ħaddiema ma jeżistu ebda kundizzjonijiet, filwaqt li qed jiffaċċjaw theddid kontinwu u jinsabu f’biża’ kontinwa li jitwaqqfilhom il-work permit.
Dan filwaqt li jiġu mheddin li, fl-għeluq tal-kuntratt, ma jiġġeddidx. Intqali li wħud irrakkontaw li saħansitra qalgħu swat mingħand il-klijenti minħabba li wasslulhom il-konsenja ftit minuti tard.
Il-GWU talbet lil dawn il-ħaddiema biex joħdulha kopji tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom biex tkun tista’ tiddiskuti l-każi tagħhom mad-DIER u l-kumpaniji li jaħdmu magħhom.
AKtar laqgħat bejn iż-żewġ partijiet mistennija, filwaqt li sar appell biex il-ħaddiema li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jitkellmu.
Il-GWU żiedet tgħid li se tibqa’ tiddefendi d-drittijiet u d-dinjità ta’ dawn il-ħaddiema kollha bil-mezzi kollha li tipprovdi l-liġi.
B’rabta ma’ dan l-istrajk, Bolt Malta kienet qalet li, waqt li tirrispetta l-aġir tal-ħaddiema biex jipprotestaw, fakkret li fl-aħħar xhur il-kumpanija żiedet l-ammont ta’ sigħat li dawn il-ħaddiema qed jaħdmu.
Huma temmew jgħidu li l-kumpanija Bolt taħdem ma’ kumpaniji oħrajn li joffru servizz tad-deliveries u huma dawn il-kumpaniji responsabbli mill-ħlas dovut lill-ħaddiema, u mhux Bolt innifisha.