Il-General Workers’ Union tat direttiva ta’ waqfien mix-xogħol lill-impjegati tal-Bank of Valletta fil-fergħa tal-bank li tinsab fil-lukanda Preluna f’Tas Sliema, wara li rriżulta li f’din il-fergħa hemm infestazzjoni ta’ ġrieden.
Fi stqarrija l-GWU spjegat li din l-azzjoni kienet meħtieġa skont in-normi ta’ Saħħa u Sigurtà bil-għan li tkun protetta s-saħħa tal-impjegati u anke tal-klijenti tal-istess bank.
Il-management tal-BOV għamel kuntatt mat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU ikkonferma li se jieħu l-passi kollha meħtieġa biex malajr kemm jista’ jkun isolvi din il-problema.