Id-Deputat Mexxej u Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba tenna li r-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew jinsabu f’kompetizzjoni qalila bejniethom dwar min minnhom se jagħmel l-akbar ħsara lil pajjiżna.
Dan f’kontinwazzjoni mal-leġiżlaturi preċedenti fejn, għall-aħħar ħdax-il sena, għamlu ħilithom biex isibu kull skuża possibbli, anke dawk mhux ġustifikati, biex jattakkaw lil pajjiżna u l-iżviluppi li seħħew fi ħdanu.
Agius Saliba qal li din il-ġimgħa stess ma kinitx eċċezzjoni lanqas.
ONE News irrapporta l-Erbgħa kif David Casa ftaħar li ltaqa’ man-nominat Kummissarju Ewropew dwar is-saltna tad-dritt, id-demokrazija u l-ġustizzja, l-Irlandiż Michael McGrath, u ħeġġu biex jiffoka partikolarment fuq Malta.
Minbarra hekk, f’kummenti minn Brussell, Agius Saliba ħabbar li l-Ewroparlamentari ġdid Peter Agius attakka lil pajjiżna, fl-ewwel diskors tiegħu fil-plenarja fi Brussell, waqt li uża s-soltu skuża.
Ma’ dan isemmi wkoll kif ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista talbu li jkun hemm dibattitu ieħor dwar is-saltna tad-dritt f’Malta fis-seduta li jmiss, anke jekk barra minn loku.
Xi ħaġa li wkoll jidher li xebbgħet lill-istess grupp politiku li huma membri fih.
B’reazzjoni għal dan l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba qal hekk:
“Dak li wegħduna l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti fil-kampanja li għaddiet, li se jagħmlu ‘gwerra qaddisa’ kontra Malta, jidher li bdewha u bdewha b’mod b’saħħtu ħafna din il-ġimgħa. It-Tnejn li għadda, Peter Agius, f’dibattitu li assolutament ma kellux x’jaqsam xejn ma’ Malta jew mas-saltna tad-dritt, żeffen lil pajjiżna f’dak li għalih kien il-maiden speech tiegħu, qalilna. U attakka lil pajjiżna fuq rule of law, fuq id-demokrazija, fuq il-protezzjoni tal-ġurnalisti …“
Kompla jgħid, “Għal darb’oħra, jerġgħu jinqdew bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi jitolbu dibattitu ieħor, dibattitu riċiklat, li issa għejja lil kulħadd hawnhekk fil-Parlament Ewropew, biex mill-ġdid jerġgħu jattakkaw lil pajjiżna fuq is-saltna tad-dritt. Tant dejqu lil kulħadd li kemm l-EPP kif ukoll il-gruppi politiċi kollha lbieraħ qalulhom ‘ismagħni, dibattitu nagħmlu kemm tridu, imma daqshekk riżoluzzjonijiet riċiklati, għax xbajna nivvotaw fuq l-istess punti li ilkom timbottaw ’il quddiem għal dawn l-aħħar seba’ snin. Fatti riċiklati li, fl-aħħar mill-aħħar, juru biss l-animu tal-Partit Nazzjonalista u tar-rappreżentanti tiegħu. Dik li jattakkaw lil pajjiżna u jinqdew b’kull okkażjoni possibbli biex jagħmlu dan.”
Il-kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi temm jgħid li, min-naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista se jkomplu jaħdmu, kif dejjem għamlu, biex ikunu l-vuċi favur is-sewwa u favur pajjiżna.