Il-gwerra fl-Ukrajna qed tħalli impatt fuq l-inflazzjoni u f’ċertu prezzijiet tal-ikel u riżorsi oħra f’pajjiżi Ewropej.
Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde qalet li l-gwerra fl-Ukrajna qed toħloq impatt enormi fuq l-ekonomiji Ewropej.
Fil-qasam tal-enerġija, fl-Ewropa l-prezzijiet żdiedu b’45% meta mqabbel ma’ sena ilu.
Il-medja taż-żieda fil-prezzijiet fiż-Żona Ewro wkoll żdiedu b’7.5% matul ix-xahar li għadda.
Fil-Ġermanja jidher li ż-żieda fil-prezzijiet qed tkun waħda qawwija minħabba li kienet timporta ħafna enerġija mir-Russja.
Malta mhiex lanqas iżolata f’dak li qed jiġri fl-Ewropa minħabba l-kriżi tal-Ukrajna iżda l-impatti sa issa mhumiex kbar daqs pajjiżi oħra.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jaħdem u jinvesti sabiex jilqa’ għall-impatt li se ġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna, mhux biss fix-xhur li ġejjin iżda wkoll fis-snin li ġejjin.
Quddiem l-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Ministru Caruana saħaq li bħalma għamel fix-xhur u s-snin li għaddew, il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għas-setturi kollha u fl-istess ħin jissalvagwardja l-istruttura tal-ekonomija Maltija.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Clyde Caruana ta serħan il-moħħ lill-imsieħba soċjali f’pajjiżna li dak li se jkun qed jagħmel il-Gvern sabiex b’mod partikolari jilqa’ mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, mhux se jkun kwistjoni ta’ ftit xhur, iżda ta’ snin.
Il-Ministru Caruana semma wkoll kif il-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna ma tarax żieda kbira.