Għall-Unjoni Ewropea, il-kwistjoni tal-Gwerra fl-Ukrajna baqgħet tiddomina l-aġenda tagħha fl-elfejn tlieta u għoxrin, iżda mhux biss.
Tkellimna mal-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew mal-Partit Laburista, Clint Azzopardi Flores, li għal diversi snin ħadem fi Brussell.
“Il-kwistjoni tal-Ukrajna se tibqa’ tiddomina fl-Unjoni Ewropea u anke s-sigurtà Ewropea hu minħabba l-fatt hi wisq fil-promisitività, anke tat-territorju Ewropew, jiġifieri l-gwerra tal-Ukrajna baqgħet tiddomina, baqa’ jiddomina x’tingħata bħala assistenza, baqgħu jiddominaw il-biljuni li tawhom u mhux biss finanzjarja, imma anke f’affarijiet umanitarji.”
Dan wassal biex fl-aħħar Kunsill Ewropew, li sar f’nofs Diċembru, kien hemm qbil biex jibdew in-negozjati bi tħejjija għas-sħubija tal-Ukrajna u l-Moldova fl-Unjoni Ewropea.
Apparti minn hekk, il-Georgia ngħatat l-istatus ta’ kandidat biex tissieħeb fl-Unjoni. Dawn in-negozjati mistennija jiddominaw l-aġenda tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej.
L-aġenda tal-Unjoni Ewropea kienet iddominata wkoll mill-gwerra fil-Lvant Nofsani, bejn Iżrael u l-grupp Hamas.
“Kellek il-kwistjoni ta’ din il-gwerra f’Gaza li qed titfa’ pressjoni enormi fir-reġjun, li jista’ jkun ikollha effetti reġjonali li jmorru oltre l-Lvant Nofsani. Allura, naħseb li l-Unjoni Ewropea, il-mod ta’ kif kellha tara kif l-affarijiet tagħmilhom, kellha tagħmilha b’mod li l-ħsieb tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni tagħha ta’ two state solution tibqa’ waħda ewlenija anke fin-narrattiva tal-politika tagħha.”
Iddominat l-aġenda tal-Unjoni Ewropea tul din is-sena wkoll il-kwistjoni tal-migrazzjoni, fejn kien hemm ċertu ftehim dwar il-Patt għall-Ażil, anke mat-Tuneżija.
Malta wkoll kellha s-sehem tagħha fl-aġenda tal-Unjoni Ewropea, meta fl-aħħar ta’ Settembru, id-disa’ mexxejja tan-Nofsinhar tal-Unjoni ltaqgħu f’pajjiżna biex jiddiskutu bosta temi kurrenti.
Mill-att ekonomiku, il-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja ddominat ukoll.
“Nemmen li l-kwistjoni kienet ukoll kwistjoni importanti għall-Unjoni Ewropea minħabba x-xokkijiet li kien hemm ukoll anke fl-enerġija fis-snin ta’ qabel li għadhom s’issa ħerġin minnhom.”
Dwar dan il-Kummissjoni Ewropea kienet qalet lil Malta biex twaqqaf is-sussidji fiż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li tagħti lill-familji u n-negozji.
Minkejja dan, il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, se jkompli b’din il-politika ta’ stabilità, b’investiment ta’ tliet mija u ħamsin miljun ewro oħra.
Skont l-aħħar tbassir ekonomiku għall-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea, Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, dak ta’ 4%. Dan filwaqt li wkoll mistenni jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fis-sentejn li ġejjin, jiġifieri fl-2024 u fl-2025.