“Dak li nagħmlu llum għall-paċi, se jgħin biex tiddetermina jekk ngħixux fi gwerra għada.” Hekk sostna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, waqt li ppreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta fil-ftuħ tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni tal-Ewropa fi Vjenna.
Il-Gwerra fl-Ukrajna kienet l-aktar suġġett diskuss hekk kif tinsab fuq nett tal-aġenda fil-prijoritajiet għal Malta.
F’konferenza, li segwiet wara l-ftuħ tal-Kunsill Permanenti tal-OSCE, il-Ministru u Chairman-in Office tal-OSCE, Ian Borg, spjega kif l-għan aħħari wara ż-żjara li se jkun qed jagħmel fil-kapitali Ukrena, Kyiv, il-ġimgħa d-dieħla hu li jisma’ x’għandhom xi jgħidu dawk li għandhom bżonn l-appoġġ.
Sostna kif il-pożizzjoni ta’ Malta dejjem kienet waħda ċara, li toffri appoġġ, iżda għal għajnuna li mhix waħda letali, hekk kif spjega l-klawsola tan-newtralità ta’ Malta.
“Spjegajt kif il-Gwerra fl-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa għandha tieqaf immedjatament, però sakemm dan jiġri, din se tkun prijorità għal din is-sena u fil-fatt hu l-ħsieb tiegħi li l-ewwel żjara tkun f’Kyiv.”
Dr Borg spjega wkoll kif prijorità oħra, li se jkun qed jaħdem fuqha, hi li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-OSCE, biex din l-organizzazzjoni ma tmutx u l-ħidma li saret s’issa ma tisfaxxax fix-xejn.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq ir-Russja, hekk kif hi waħda mill-pajjiżi fi ħdan l-OSCE, il-Ministru Borg spjega kif wieħed irid ikun kawt qabel tittieħed deċiżjoni hekk kif l-organizzazzjoni nnifisha għandha l-proċeduri tagħha u għalhekk parteċipant ma jistax jitkeċċa kif ġieb u laħaq.
Hu semma kif il-preżenza tar-Russja fis-summit tal-OSCE, li ttella’ fi Skopje lura f’Novembru, uriet dwar l-importanza li din tkun preżenti biex tisma’ b’mod dirett u ċar il-messaġġ – dak biex tirtira l-pożizzjoni tagħha u twaqqaf il-gwerra.
“Nifhem li din hi organizzazzjoni li taħdem u tiddeċieidi b’unanimità u allura l-importanza li niddjalogaw u nisimgħu lil kull pajjiż ieħor mis-56 li jifformaw parti minn din l-organizzazzjoni.”
Spjega kif dan ma jfissirx li hemm iżjed xogħol u konflitti fir-reġjun li jridu jingħataw l-importanza u l-enerġija, iżda hemm ukoll dimensjonijiet oħrajn.
“Hemm ukoll dimensjonijiet oħrajn u allura mhux politiku u militar, iżda aspetti oħrajn bħal koperazzjoni ekonomika, ambjentali, reżiljenza li għandu bżonn f’dak li għandu x’jaqsam fit-tibdil fil-klima u anke minn aspett tad-drittijiet tal-bniedem, is-saltna tad-dritt, id-demokrazija. Dawn kollha jiżguraw li jkollna soċjetajiet aktar siguri u poplu li jista’ jgħix aħjar.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Helga Maria Schmid, tenniet kif il-prijoritajiet ta’ Malta ntlaqgħu b’mod tajjeb ħafna mhux biss għax għandha r-rieda li tieħu f’idejha din it-tmexxija fi żminijiet ta’ sfidi bla preċedent, iżda saħansitra għat-tmexxija b’saħħitha li qed tipprovdi.
Spjegat kif il-prijoritajiet ippreżentati jimxu pari passu mal-valuri prinċipali li tħaddan l-OSCE.
Tenniet dwar kif il-Gwerra fl-Ukrajna trid tieqaf u għalhekk tibqa’ fuq nett tal-aġenda tal-prijoritajiet għal din l-organizzazzjoni.
Tenniet is-sejħa biex jinħelsu t-tliet kollegi li bħalissa qed jinżammu mir-Russja, waqt li kienu qed jaħdmu fuq missjoni speċjali ta’ monitoraġġ u li għadhom qed jinżammu b’mod illegali.
It-tliet persuni, Vadym Golda, Maxim Petrov u Dmytro Shabanov, ġew arrestati waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom f’Donetsk u Luhansk lura f’April tal-elfejn tnejn u għoxrin – bi tnejn minnhom jingħataw sentenza ta’ tlettax-il sena ħabs.
Il-Ministru Borg ingħaqad f’din is-sejħa biex jinħelsu u tenna dwar kif se jkun qed jaħdem qatigħ biex iwassal bl-aktar mod ċar il-messaġġ ta’ Malta għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti.