Fil-ġejjieni, meta l-gwardjani lokali li jilmħu sewwieqa taħt l-effett tax-xorb żejjed, se jkollhom is-setgħa li jwaqqfu lis-sewwieq u jseħju lill-Pulizija.
Meta introduċa l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza dwar ir-Regolament tat-Traffiku, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li din hija waħda minn seba’ riformi li se jkun qed iressaq, iżda hija l-aktar waħda “kontroversjali imma meħtieġa”.
Hekk, ser li b’din il-liġi, il-gwardjani se jkollhom rwol ta’ assistenti tal-Pulizija, iżda l-poter tagħhom se jkun biss li jwaqqfu u jżommu lis-sewwieqa.
Huwa qal li s-sistema ta’ punti b’rabta mal-liċenzja, se tiġi estiża għas-sewwieqa kollha, mhux biss għas-sewwieqa ġodda għal perjodu ta’ tliet snin. Min jeħel 12-il punt f’sena jkollu l-liċenzja revokata u li l-ewwel darba tingħata lura awtomatikament. Ir-raba’ darba, il-liċenzja tingħata lura biss fuq ordni tal-Qorti.
Il-Ministru qal li mhux kull reat iwassal għat-teħid tal-punti. Hemm differenza milli tipparkja fuq il-linji sofor u ma tilbisx is-seat belt u li tibqa’ għaddej mit-traffic lights ħomor jew minn fuq stop sign. Kull sena, sewwieq jeħles mill-punti li tkun ħa s-sena ta’ qabel. Wieħġed jista’ jeħles mill-punti jekk jattendi kors mill-Awtorità tat-Trasport. Dan isir biss darba f’sentejn, fejn jingħataw pariri dwar sewqan aħjar u anger management.
Emenda oħra hi li se jogħlew il-multi u anki possibilità li tiġi sospiża l-liċenzja għal dawk li jsuqu bla liċenzja jew b’numri tar-reġistrazzjoni foloz.
Il-multi se jogħlew ukoll għal dawk li jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb u d-droga. Il-Ministru Bonnici spjega li se tiddaħħal ukoll sistema ġdida ta’ limiti ta’ alkoħol permessibbli fis-sewqan. Filwaqt li ddeskriva s-sistema f’Malta bħala l-iktar waħda laxka fl-Ewropa kollha, il-Ministru spjega li se jkun hemm limiti differenti għas-sewwieqa ordinarji u dawk li jsuqu t-taxis u x-xufiera tal-vannijiet tal-iskola.