Alfred Sant, Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew qal li l-gvernijiet Ewropej għandhom jiggarantixxu pensjonijiet adegwati u sostenibbli u fejn ikun hemm żbilanċ bejn dħul u ħruġ, joħorġu d-differenza kull sena mill-baġit tal-gvern.
Dr Sant qal dan fid-dibattitu ‘Il-futur tal-pensjonijiet: il-ġlieda kontra l-privatizzazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi tas-sigurta` soċjali’
“Fil-fehma tiegħi, is-soluzzjonijiet ma għandhomx ikunu bbażati biss fuq iż-żieda tal-eta` tal-irtirar taċ-ċittadini u fuq żieda fil-kontribuzzjonijiet. Lanqas m’għandu jsir aktar privatizzazzjoni ta’ partijiet tas-sistema tal-pensjonijiet. Dan tal-aħħar għandu jitqies bħala parti integrali tal-impenn pubbliku fi ħdan il-baġit tal-istat, bl-ogħla prijorita` tingħata lil dawk l-aktar vulnerabbli. Dan il-prinċipju huwa parti mill-wirt Ewropew l-aktar wiesa’ tal-front soċjali u aċċettat kemm mill-politiċi tax-xellug u anki tal-lemin, minn Bismarck għal Willy Brandt. Ma għandux ikun abbandunat.”
Dr Sant qal li l-mistoqsijiet dwar pensjonijiet sostenibbli u adegwati għandhom l-ewwel jiġu solvuti fuq bażi nazzjonali, qabel ma jkunu realistikament mwieġba fuq bażi Ewropea.