Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, indirizza s-sessjoni plenarja matul il-wieħed u tletin laqgħa annwali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp li saret bejn l-10 u t-12 ta’ Mejju 2022 f’Marrakech, il-Marokk.
Dan l-avveniment ewlieni fiċ-ċiklu annwali tal-istituzzjoni jinkludi s-Sessjoni Plenarja tal-Bord tal-Gvernaturi, kif ukoll diversi avvenimenti addizzjonali organizzati taħt il-Forum tan-Negozju.
Matul il-laqgħa annwali ta’ din is-sena, il-Gvernatur Scicluna kien akkumpanjat mid-Deputat Gvernatur Alexander Demarco.
Stabbilit fl-1991, il-BERŻ huwa istituzzjoni ddedikata għall-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u l-ħolqien ta’ settur privat b’saħħtu. Wieħed u sebgħin pajjiż, l-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma l-azzjonisti tal-BERŻ. Malta hija membru fundatur tal-BERŻ.
Il-laqgħa annwali tal-BERŻ tal-2022 kienet iddominata mill-gwerra fl-Ukrajna u r-realtajiet traġiċi mġarrba min-nies ċivili. Għal dan il-għan, il-BERŻ u l-membri tiegħu esprimew l-appoġġ tagħhom u ddiskutew diversi inizjattivi biex jgħinu fir-rikostruzzjoni tal-pajjiż, inkluża l-approvazzjoni ta’ pakkett ta’ reżiljenza ta’ €2 biljun b’appoġġ għall-Ukrajna.
Matul il-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi, ġew approvati diversi riżoluzzjonijiet li jinkludu r-reazzjoni tal-BERŻ għall-gwerra fl-Ukrajna, gwida addizzjonali dwar espansjoni limitata u inkrementali tal-attivitajiet tal-istituzzjoni għall-Afrika Sub-Saħarjana u l-Iraq, u diversi rapporti finanzjarji u istituzzjonali.
Il-Gvernatur Scicluna esprima s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren u rrifletta dwar l-isfidi li ġabet magħha din ir-realtà traġika. Bħala Stat Membru Mediterranju, il-Gvernatur Scicluna rrikonoxxa l-ħidma kontinwa tal-BERŻ dwar l-espansjoni inkrimentali lejn pajjiżi ġodda ta’ operazzjoni fir-reġjun tal-Magreb. Il-Gvernatur Scicluna laqa’ ż-żieda tal-Banek tal-Alġerija u tal-Emirati Għarab Magħquda bħala l-membri ġodda.
Fil-marġini tal-laqgħa, il-Professur Scicluna ltaqa’ ma’ għadd ta’ uffiċjali tal-BERŻ inklużi l-President Ms Odile Renaud-Basso u s-Segretarju Ġenerali tal-BERŻ, Mr Kazuhiko Koguchi, u diversi gvernaturi ta’ Banek oħrajn, li magħhom il-Gvernatur Scicluna kellu l-opportunità li jagħti l-prospetti tal-pajjiż dwar l-iżvilupp fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Mediterran.