Kull inizjattiva li tniżżel ’l isfel l-inflazzjoni hi tajba. Sostna dan il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna f’kumment ma’ ONE News, waqt li t-tnedija tar-rapport annwali tal-Bank Ċentrali l-Ġimgħa.
Staqsejna lill-Professur Scicluna dwar l-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li ddaħħlet fis-seħħ mill-bidu ta’ Frar.
“Naħseb li l-Gvern jagħti sinjal permezz ta’ skema jew mod ieħor li jitwemmen li veru jrid jiġġieled il-prezzijiet, bħalma qed jagħmel il-Bank Ċentrali ħa nkunu ċari, jiġifieri qegħdin id f’id u llum f’din il-konferenza dak li qed nispjegaw x’inhu jagħmel il-Bank Ċentrali. Però, sakemm il-kredibbiltà. Aħna ngħidu sakemm l-inflazzjoni tiġi ankrata fejn irriduha ta’ 2%, kull ħaġa li timbotta għal hemmhekk tagħmel tajjeb.”
Il-Professur Scicluna sostna li l-inflazzjoni nieżla sew. Dan anke kif juru l-aħħar ċifri uffiċjali, hekk kif f’Marzu, pajjiżna rreġistra l-inqas rata ta’ inflazzjoni fi tnejn u tletin xahar – matul dawn l-isfidi internazzjonali bla preċedent. Fosthom bil-pandemija globali u ż-żewġ gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.
“L-inflazzjoni nieżla u naħseb l-ewwel sinjal nagħtuh f’Ġunju, nisperaw li l-Bank Ċentrali Ewropew, jekk – għax ma nistax ngħid żgur sħabi x’se jagħmlu – nibdew natqgħu r-rati tal-imgħax. Dan ifisser li aħna b’mod kredibbli nemmnu li l-inflazzjoni issa qed tilħaq nieżla u tilħaq il-mira tagħna.”
Mir-rapport tal-Bank Ċentrali joħroġ ukoll kif, is-sena l-oħra, it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kien b’saħħtu ferm, b’rata ta’ 5.6%. Dan filwaqt li l-ekonomija se tkompli tikber sew din is-sena.
“Is-sena li għaddiet, Malta kibret b’rata ferm aktar għolja minn dik taż-Żona Ewro. Fil-fatt iż-Żona Ewro kważi baqgħet stabbli, għax kien hemm żieda ta’ 0.3%, mentri pajjiżna reġa’ kiber b’rata ferm ogħla. Mindu kellna l-pandemija, l-ekonomija kibret bi kważi seba’ darbiet ir-rata fiż-Żona Ewro. Dan juri ħafna r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija għax-xokkijiet internazzjonali.”
L-ekonomista tal-Bank Ċentrali sostna r-raġunijiet tat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna.
“Il-fatturi li għenu biex ikollna din ir-reżiljenza ovvjament kien hemm hemm l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Dak kellu prezz ovvjament, għax il-Gvern kellu jonfoq ammont sostanzjali ta’ miljuni biex ikollna din l-istabbiltà u allura d-defiċit tagħna kien ogħla minn dak tal-Unjoni Ewropea, imma fl-istess ħin it-tkabbir ekonomiku wassal biex il-piż tad-dejn nazzjonali baqa’ moderat u saħansitra s-sena li għaddiet naqas u issa qiegħed qrib il-50%.”