Il-Gvern ta’ Malta rreġistra kumpanija ġdida bl-isem ta’ Malta Air Travel Services, li b’kapital ta’ sebgħin miljun ewro, se tieħu f’idejha d-drittijiet tal-operat – magħrufa bħala landing rights, f’uħud mill-ajruporti ewlenin fl-Ewropa.
B’liċenzja ta’ linja tal-ajru b’konformità sħiħa mal-liġi, il-kumpanija l-ġdida għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ l-istrateġija tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, kif spjega l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Spjega li “L-islots jew inkella r-rights li għandha l-Air Malta biex tillandja f’airports differenti fl-Ewropa, teħodhom over bħala kumpanija ġdida imbagħad dawn l-islots jinkrew lura lill-Air Malta.” 11
Il-Ministru qal li l-kumpanija l-ġdida qed tobbliga ruħha permezz ta’ kuntratt sabiex l-Air Malta tibqa’ topera dawn l-islots b’tariffa kummerċjali maqbula għall-perjodu fit-tul.
Il-Ministru rrefera wkoll għall-aħħar ftehim kollettiv li għad irid jintlaħaq mal-bdoti tal-Air Malta, u f’dal-kuntest qal li ngħatat l-aħjar offerta possibbli bil-għan li jintlaħaq qbil fis-sigħat li ġejjin.
Il-Ministru Mizzi qal li “Illejla hemm extraordinary general meeting tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti fejn se jiddiskutu l-proposti tagħna. Jiena nixtieq li common sense will prevail.”
Dan għaliex ġaladarba jintlaħaq qbil mal-bdoti, ikunu ssiġillati l-ħames ftehimiet u jkunu jistgħu jiffukaw fuq it-tkabbir tal-linja tal-ajru għall-benefiċċju tal-ħaddiema u tal-poplu inġenerali.
B’hekk, dil-kumpanija l-ġdida se tkompli ssostni l-istrateġija tal-Air Malta.
Mizzi qal li “Permezz ta’ dit-tranżazzjoni li se ssir in accordance mal-liġijiet kollha stabbiliti, l-Air Malta se jkollha f’idejha iktar riżorsi biex tiffoka fuq it-tkabbir li permezz tagħha nistgħu nsiru l-Airline tal-Mediterran.”