It-Tnejn filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti tal-UHM b’rabta mal-aħħar preparamenti tal-Baġit 2021. Il-Prim Ministru Abela qal li l-UHM u l-Gvern għandhom iħabbtu fuq l-istess naħa, dik tar-ruħ soċjali.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Dr Abela tkellem ukoll fuq il-ħlas ugwali għall-istess tip ta’ xogħol. Tenna li din hija waħda mill-ħafna binarji ta’ ħidma li qed jaħdem fuqha l-Gvern. Madankollu sostna li b’ekonomija b’saħħitna Malta rnexxielha tibqa’ għaddejja. Kompla jispjega li b’ekonomija b’saħħitha tista’ tkompli tgħin fil-miżuri.
Dr Abela laqa’ wkoll kumment minn politikant Ewropew fejn dalgħodu laqa’ l-ħidma li saret favur il-governanza f’pajjiżna. Filfatt ma’ Politico qal li l-miżuri li ddaħħlu mill-Gvern Malti huma pass importanti fid-direzzjoni t-tajba u kkummenta wkoll li dawn il-miżuri ddaħħlu b’mod mgħaġġel.
Minn naħa tiegħu Josef Vella mill-UHM ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit tal-UHM. Spjega li dan id-dokument fih 89 proposta fuq numru ta’ setturi fosthom l-ekonomija, x-xogħol, persuni b’diżabbilta u s-saħħa.
https://www.one.com.mt/2020/10/12/flaqgha-mal-mhra-l-pm-jitkellem-favur-ttestjar-ghall-covid-19-li-jaghti-rizultat-malajr-flok-jinghalaq-l-ajruport-3/