Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar żar l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja fejn ra l-investimenti li qed isiru biex l-akkademja toffri taħriġ ta’ kwalità għolja u mhux biss taqdi l-ħtiġijiet tal-Pulizija, iżda wkoll tal-forzi dixxiplinati l-oħra tal-pajjiż.
Is-Sur Cutajar intlaqa’ mill-Kmandant tal-Akkademja s-Sur Joseph Cachia, flimkien ma’ membri tal-Bord u l-istaff.
Is-Sur Cutajar qal li huwa importanti li l-Akkademja tikkollabora mill-qrib mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li hija l-akkademja ewlenija tas-Servizz Pubbliku, kemm biex ikun hemm messaġġ wieħed unit u kemm għax f’pajjiż ċkejken bħal tagħna huwa fundamentali li r-riżorsi jiġu utilizzati sew u b’mod strateġiku.
Huwa qal li l-pajjiż ikun qed juri l-għarfien tiegħu għall-ħtieġa u l-ħidma tal-korpi dixxiplinati tagħna meta jinvesti daqstant fit-tħejjija u fit-tagħmir għalihom. Daqstant ieħor, saħaq li l-pajjiż ikun qed japprezza u jirrikonoxxi l-ħidma ta’ kull min huwa parti mill-korpi dixxiplinati meta għall-ewwel darba tahom id-dritt li jissieħbu f’unions u qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kull korp bħalma sar diġà mal-Pulizija, bħalma qed isir preżentement mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, u kif se jsir dalwaqt mal-Forzi Armati ta’ Malta.
Is-Sur Cutajar wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Uffiċċju tiegħu kien fuq quddiem biex jgħin iwassal dawn il-ftehimiet settorali għall-iffirmar tagħhom.
Fiż-żjara tiegħu, il-Kap tas-Servizz Pubbliku segwa mill-qrib taħriġ prattiku li kien għaddej mill-Pulizija, taħriġ akkademiku għall-gwardji tal-fruntieri, klassijiet tal-ewwel għajnuna u anke kellu ċ-ċans jipprova simulatur li qed jintuża f’lezzjonijiet dwar il-vjolenza domestika.
Huwa żar ukoll binja ġdida li qed tinbena u li se tkun qed tintuża bħala akkomodazzjoni f’każ ta’ bżonn.
Din is-sena, l-Akkademja diġà offriet taħriġ lil madwar 1,000 membru tal-korpi dixxiplinati. Fil-Budget għas-sena 2021, ġie sostnut l-investiment għall-Akkademja b’allokazzjoni ta’ kważi nofs miljun ewro li se jmorru għal proġetti u inizjattivi.
Dan kollu se jkompli jwassal għal servizz ta’ kwalità biex is-Servizz Pubbliku joffrilek serħan il-moħħ u jkun dejjem miegħek.