Id-direttivi msejħa mill-MUMN fost l-infermiera u l-qwiebel li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika ġew imwaqqfa wara li llum komplew il-laqgħat bejn l-istess union u l-Ministeru għas-Saħħa.
Fi stqarrija bejn iż-żewġ naħat intqal li matul din il-laqgħa ż-żewġ naħat qablu fuq il-punti prinċipali għall-ftehim settorali tal-MUMN.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jkomplu l-laqgħat bejn iż-żewġ naħat li se jkunu qegħdin jikkonkludu l-ftehim innifsu.
Intant l-MUMN infurmat lill-membri tagħha li se tkun qed twaqqaf id-direttivi li daħlu fis-seħħ il-Ħamis li għadda.
F’kumment li ta lill-gazzetta KullĦadd id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li jinsab sodisfatt li ntlaħaq ftehim bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-MUMN.
“L-infermiera u l-qwiebel huma kruċjali għas-servizz tas-saħħa. Id-diskussjonijiet mal-MUMN ma kinux faċli iżda b’rieda tajba miż-żewġ naħat wasalna għal ftehim settorali ġdid. Ftehim li se jkun wieħed sodisfaċenti għall-partijiet kollha,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa żied jgħid li fl-aħħar snin it-total ta’ infermiera jaħdmu fis-settur pubbliku żdied ġmielu. “Minn 2,508 infermier fl-2011, illum għandna total ta’ 3,277 infermiera. Iżda anke dan mhux biżżejjed u għandna bżonn aktar, anke minħabba li qegħdin inżidu s-servizzi tas-saħħa tagħna,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa fakkar li llum il-ġurnata għandna università oħra f’pajjiżna minbarra l-Universita ta’ Malta li qed toffri kors tan-nurses. “Il-kors tan-nurses tan-Northumbria University fetaħ is-sena li għaddiet u fl-ewwel sena diġà hemm 30 student jistudjaw in-nursing. Flimkien mal-MUMN nibqgħu kommessi biex inħeġġu aktar studenti jagħżlu l-vokazzjoni tan-nursing.”
Chris Fearne fakkar li Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu ħsara kbira lin-Nursing f’pajjiżna meta għamlu numerus clauses fil-kors tan-nursing. “Illum għadna nbatu dak li sar għal ħames snin sħaħ bejn l-2006 u l-2011.”