Il-Gvern u l-imsieħba soċjali kollha tal-MCESD iffirmaw ftehim storiku li se jara l-paga minima nazzjonali togħla. Żieda li ntlaħqet b’ kunsens unanimu bejn il-membri tal-MCESD li ntlaħaq wara xhur ta’ diskussjoni.
“Kemm jien kburi li pajjiżna llum wasal għal dan il-ftehim nazzjonali biex tiżdied il-paga minima. Ftehim li jissimbolizza kunsens nazzjonali.”
Hekk qal il-Prim Ministru Joseph Muscat qabel l-iffirmar tal-ftehim f’ diskors fil-Palazz tal-President.
Muscat kellu kliem t’ apprezzament għal forzi soċjali kollha li poġġew madwar mejda fejn “rebħet il-maturità u s-sens komun”.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li biex jikkumplimenta din iż-żieda, se jkun qed jwessa’ t-tax bands biex min igawdi miż-żieda tal-minimum wage ma jinqabadx f’ tax bracket. B’hekk iż-żieda tal-paga minima tibqa’ fil-bwiet tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru għamilha ċara li mhuwiex se jkun ttollerat li ħaddiem jibqa’ fuq il-paga minima wara sena u li l-paga trid tiżdied u appella lit-trade unions u lil min iħaddem biex jassiguraw li ma jkunx hemm abbuż ta’ dan.
Joseph Muscat innota li kulħadd ċeda biċċa u din turi rieda tajba fost l-imsieħba soċjali, “il-fatt li kull assoċjazzjoni garret ir-responsabilita tagħha hija sinjal ta’ maturita ta’ pajjiżna” qal Muscat.
Sa ftit snin ilu ma kienx jgħaddilek minn moħħok li l-unions u min iħaddem jaslu għal ftehim bejniethom saħaq Muscat, iżda f’ din il-leġislatura wasalna, b’serenita, u konvinzjoni li titjieb il-kwalita tal-ħajja tal-ħaddiema.
Iżda biex kien possibbli li jkun hemm diskussjoni serja u sostenibbli, irrimarka l-Prim Ministru, l-ewwel kellu jinħoloq il-ġid biex ikun jista jitqassam, għaliex li kieku għoliet il-paga minima mingħajr it-tkattir tal-ġid, ħafna kumpaniji kien ikollhom jissikkaw iktar iċ-ċintorin.
Muscat fakkar kif din is-sena diġa żdiedet il-paga minima permezz tal-miżuri tal-baġit, iżda ż-żieda ħallas għaliha l-gvern.
Filwaqt li innota r-reazzjoni negattiva tal-‘kampanja taż-żieda fil-minimum wage’ saħaq li se jissokta jisma’ s-suġġerimenti tagħhom. L-iktar ħaġa importanti mhux iż-żieda, qal Muscat, imma li kull erba’ snin se jibda jitlaqqa’ kumitat mill-MCESD li se jagħti parir lill-Prim Ministru dwar il-bżonn ta’ żieda fil-minimum wage skont iż-żmien. Dan il-mekkaniżmu ġdid se jneħħi l-bżonn li jkun hemm dawn il-kampanji.