Fl-aħħar jiem, elf, seba’ mija u ħamsin suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta, irċevew l-ewwel paga biż-żieda maqbula fil-ftehim kollettiv li ġie ffirmat f’Novembru li għadda.
Fost dawn hemm il-Kaptan Emanuel Bugelli, li ma’ dan l-istazzjon spjega s-sodisfazzjon li ħass meta ra ż-żieda fl-aħħar ċekk tas-sena li għadha kif intemmet, li se tissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għalih u għal familtu.
Qal kif, “F’dil-paga ħadna ż-żieda li kienet miftehma fil-ftehim kollettiv, kien hemm sodisfazzjon kbir kemm min-naħa tiegħi personali u kemm min-naħa ta’ sħabi. Lis-suldati affettwatilhom ħafna l-moral ngħax jafu li l-għixien tal-familji tagħhom se jmur ħafna iktar ’il quddiem.”
Il-Kaptan Bugelli, li jaħdem fuq il-baħar u huwa responsabbli minn lanċa ta’ sebgħa u tmenin pied, qal li meta wieħed jiġi apprezzat, jaħdem b’aktar dedikazzjoni.
Spjega, “In-natura tax-xogħol tagħna tinvolvi xogħol fuq l-immigrazzjoni, salvataġġ, sorveljanza tal-kosti Maltin u tal-blati kontinentali, jiġifieri ovvja li dal-ftehim huwa importanti ħafna għalina għax qed jindika li xi ħadd kellu l-kuraġġ jagħtina valur aħjar għal xogħolna.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, fakkar kif fiż-żmien li kien hemm min ried jitfa’ lis-suldati l-ħabs, Gvern Laburista kien qed jinnegozja mal-istess suldati biex jintlaħaq ftehim li jissarraf f’kundizzjonijiet aħjar.
Qal, “Meta bħala Gvern konna qegħdin ninnegozjaw imbagħad wasalna fi ftehim mas-suldati, kont naf li huwa ftehim b’saħħtu ħafna fejn jagħti kundizzjonijiet bla preċedent lis-suldati tagħna, però meta fl-aħħar jiem, dawk is-suldati rċevew il-payslip tagħhom u rrealizzaw kemm verament kien tajjeb, kien mument ta’ sodisfazzjon li ma stennejtx li ħa jkun hemm daqstant ħaddiema, membri ta’ famillji fl-aħħar mill-aħħar, li ħa jirrikonoxxu dak li għamel il-Gvern magħhom.”
Flimkien ma’ dawn is-suldati, mitejn u sebgħin ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili wkoll bdew jirċievu ż-żidiet maqbula fil-ftehim kollettiv li ġie ffirmat is-sena li għaddiet.