Il-Gvern talab biex issir fid-diskussjoni fil-Parlament wara li l-Awditur Ġenerali ppubblika it-tielet rapport tiegħu dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
F’isem il-Gvern għamel it-talba l-Whip tal-grupp parlamentari, Andy Ellul iżda quddiem din it-talba, l-Oppożizzjoni rrifjutat li ssir diskussjoni.
Ir-rapport li ppubblika l-Awditur Ġenerali analizza diversi punti b’rabta mal-konċessjoni u qal li l-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid fl-2020 waslet għal bidla ġenerali fl-approwċ.
Din id-darba r-rapport janalizza l-perjodu li matulu l-konċessjoni għaddiet mingħand il-VGH għal għand Steward Healthcare.
Dan fil-perjodu tal-2017 u l-2018.
Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali qal li t-trasferiment bejn iż-żewġ entitajiet sar bl-għaġġla.
Qal ukoll li l-Kabinett tal-Ministri ntalab japprova t-trasferiment wara li diġà kienet ingħatat l-awtorizazazzjoni mill-Ministeru għat-Turiżmu ta’ dakinhar u mill-Malta Industrial Parks.
L-Awditur Ġenerali jgħid ukoll li mill-analiżi li għamel, inkluż dwar il-klawsola tal-mitt miljun ewro li ta’ spiss issemmiet b’rabta mal-konċessjoni, il-Kabinett tal-Ministri ġie żgwidat mill-Ministru għat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien.
Intant, l-Awditur Ġenerali kkummenta wkoll dwar kif il-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid fl-2020 ġabet bidla fl-istil fil-konfront ta’ Steward Healtcare.
Innota kif wara ħafna negozjati finalment il-Gvern iddeċieda li ma tinbidilx il-konċessjoni.
Innota li dan sar anke wara li l-Gvern ħa l-parir tad-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Avukat tal-Istat.
Għalkemm qal li dan il-parir seta’ talbu anke fi stadju iktar kmieni fl-istess ħin il-Gvern kien qed jistenna sentenza tal-Qorti.
Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali għamel referenza għall-ħlasijiet li saru lil Steward Healthcare.
Fisser kif kważi nofs dawn il-ħlasijietm iktar minn mija u tminja u tmenin miljun ewro kienu pagi.
Il-ħlasijiet oħra kienu marbuta mas-servizzi li ngħataw fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex u Karin Grech, bl-Awditur Ġenerali janalizza wkoll is-servizz li ngħata f’dawn l-isptarijiet.
Ir-rapport għamel ukoll referenza għas-sentenza tal-Qorti li ħasret dan il-ftehim.
Qal li l-Qorti indikat li l-Gvern u l-awtoritajiet involuti kellhom l-obbligu u d-dmir li jħassru l-kuntratti kollha.
Dan, qal l-Awditur Ġenerali, fid-dawl tal-manipulazzjoni u l-azzjonijiet frawdolenti li saru b’mod sistematiku mill-VGH u l-SHC.
L-SHC appellat is-sentenza f’Marzu 2023, fejn sostniet li s-sentenza mogħtija kienet mimlija nuqqasijiet ta’ natura proċedurali u sostantiva, minbarra analiżi żbaljata u superfiċjali tal-fatti.