Għal sena oħra, il-Gvern qed ikun ta’ spalla għall-pazjenti Għawdxin li jinżlu fi sptarijiet f’Malta biex jieħdu l-kura; primarjament dawk li jkollhom bżonn trattament għall-kanċer jew xi operazzjoni maġġuri.
Fi żmien diffiċli għall-pazjenti u anke l-qraba tagħhom, il-Gvern jidħol biex itaffi mill-piżijiet finanzjarji għal din il-kura f’Malta u għalhekk jissusidja kemm it-trasport kif ukoll l-akkomodazzjoni li tinkera f’Malta.
Fil-fatt, ċifri li kiseb ONE News juru kif is-sena li għaddiet ġew mgħejjuna 68 pazjent Għawdxi.
Tkellimna mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li tenna l-impenn tal-Gvern biex ikompli jniedi inizjattivi u skemi finanzjarji simili.
Il-Ministru Clint Camilleri qal “Is-sena li għaddiet għinna 68 persuna li kellhom bżonn imorru l-isptarijiet Malta għal xi intervent, fejn il-Ministeru għal Għawdex qed jgħinhom b’numru ta’ grants inkluż it-trasport u akkomodazzjoni għall-pazjent u persuna li tkun qed takkumpanjah. Dan propju biex nagħmlu l-ħajja aktar faċli f’dawn il-mumenti delikati u jibqa’ l-impenn tal-Gvern b’mod inġenerali u nibqgħu npoġġu s-saħħa tal-poplu tagħna fuq quddiem nett kif għamilna fil-passat u kif se nagħmlu fil-futur b’aktar proġetti favur is-saħħa tal-pazjenti tagħna.”