F’Diċembru, l-Gvern permezz ta’ Malta Enterprise se jkun ta €40 miljun f’għajnuniet lil eluf ta’ intrapriżi li joperaw f’pajjiżna u li ġej milquta mill-effetti tal-imxija tal-COVID-19.
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli qalet: “Għax-xahar ta’ Diċembru se nkunu qegħdin nagħtu 40 miljun ewro fl-iskema tal-wage supplement u anki fl-iskema tar-rifużjoni tal-kontijiet tal-elettriku”
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Malta Enterprise ġie spjegat li apparti l-għajnuna tal-Wage Supplement, il-Gvern ħareġ ukoll €6.3 miljun li għamlu parti mill-iskema għall-kontijiet tal-enerġija.
Din l-iskema li qed jibbenefikaw minnha eluf ta’ negozji qed tagħti sa 50% lura mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-istess negozji, kif spjega l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia.
33% tal-applikazzjonijiet ġew minn intrapriżi tal-wholesale u l-bejgħ, 27% tal-ikel u l-akkommodazzjoni, 16% tas-servizzi u 8% mill-manifattura.
B’kollox din l-iskema se tolqot kumpaniji li jimpjegaw 24,410 ħaddiem f’Malta u 1,396 f’Għawdex.
Fl-istess ħin, f’Jannar se jerġgħu jitqassmu l-vouchers ta’ €100 lill-poplu Malti u Għawdxi.
Dwar il-wage supplement spjegat ukoll li sa issa diġà tqassmu €320 miljun f’għajnuna lil 17,000 negozju liema għajnuna salvat eluf ta’ impjiegi f’dan iż-żmien ta’ sfida.
“Filfatt waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħadt huwa li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi noħorġu dawn il-pagamenti qabel. Naf kemm dan iż-żmien huwa importanti għall-sidien tan-negozji, naf kemm kienu qed iħarsu lejn dan iż-żmien b’ċertu tħassib u ridna naċċertaw li jkollhomm il-likwidità biex iħallsu lill-ħadidema f’dawn iż-żminijiet”