L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, issospendiet id-direttivi fl-iskejjel li kienu attivi fl-aħħar jiem u li laħqu l-qofol tagħhom bi strajk ta’ ġurnata fil-jum tat-Tnejn.
Stqarrija mill-unjin it-Tnejn filgħaxija qalet li t-Tlieta se jkomplu d-diskussjonijiet dwar il-ftehim il-kollettiv il-ġdid mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u allura l-azzjonijiet ġew sospiżi mill-Erbgħa li ġej.
B’reazzjoni għal dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-Tlieta, l-edukaturi u l-istudenti se jkunu lura l-iskola biex ikomplu l-perkors edukattiv tagħhom.
Intqal li l-Gvern baqa’ konsistenti dejjem favur id-djalogu u l-bżonn li d-diskussjoni ssir madwar il-mejda.
Hu għalhekk li, ġaladarba d-direttivi se jkunu qed jiġu sospiżi, il-Gvern jemmen li d-diskussjonijiet jistgħu ikomplu u fil-fatt diġà ġiet skedata laqgħa għat-Tlieta.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni temm jgħid li l-Gvern jibqa’ impenjat li jtejjeb b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tal-edukaturi, kif imwiegħed. Impenn li ma naqas qatt.
Sadanittant matul il-jum tat-Tnejn sar l-istrajk mill-edukaturi fl-iskejjel kollha Primarji u Sekondarji tal-Istat u tal-Knisja. Dan l-istrajk, li affettwa mal-ħamsa u ħamsin elf tifel u tifla, kien parti mill-azzjonijiet industrijali minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-ftehim settorjali.
Fl-aħħar jiem, il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, ħabbar pjan ta’ kontinġenza. L-iskejjel tal-Istat fetħu l-bibien tagħhom fil-ħinijiet tas-soltu b’superviżjoni mat-tfal li attendew. Dan filwaqt li l-iskejjel tal-Knisja talbu lill-ġenituri biex iżommu lil uliedhom id-dar.
Fl-attività politika fil-Marsa l-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern qed jipproponi pakkett ferm aktar b’saħħtu minn dak li kien hemm ħames snin ilu, fl-aħħar ftehim kollettiv maqbul.