B’daqqa ta’ pinna fl-Istitut Kattoliku, ġie ffirmat ftehim ta’ mija u tmint elef ewro fuq tliet snin bejn il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, u l-Moviment Ta’ Kana.
Dan il-Moviment ilu jagħti servizzi mill-elf disa’ mija u tnejn u ħamsin, u huwa msejjes fuq il-ħidma tal-voluntiera li bejniethom jagħtu aktar minn għaxart elef siegħa fis-sena.
Din is-sena biss, ingħatat għajnuna lil madwar elf koppja, familja u individwi.
Id-Direttur tal-Moviment Ta’ Kana, Fr Charles Attard, spjega għaliex il-ftehim iffirmat mal-Gvern huwa kruċjali biex kull min ikollu bżonn jibqa’ jsib l-għajnuna, li tmur lil hinn mill-korsijiet li jsiru għall-koppji bi tħejjija għaż-żwieġ Nisrani.
Qal kif, “Għandna wieħed mill-gruppi importanti ħafna huwa l-grupp li ngħidulu Natural Family Planning. Dan huwa grupp ta’ teachers żgħar li jgħinu biex il-familji jippjanaw b’mod naturali l-familja tagħhom.”
Il-Moviment Ta’Kana joffri wkoll servizzi ta’ counselling, għajnuna lil koppji bi problemi ta’ fertilità u servizzi ta’ terapija għall-individwi.
Qal, “F’kull parroċċa kważi kważi hemm dik li ngħidulha aħna l-Kummissjoni Parrokkjali Familja. L-iskop tagħha huwa li tgħin u anki torganizza attivitajiet b’risq il-familja.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, saħaq fuq il-bżonn tal-professjonisti b’risq titjib fis-soċjetà.
Spjega kif, “Hawnhekk fil-każ Ta’ Kana kien hemm irregolarità biex ngħid hekk, jew anomalija, li solvejniha billi bdilna l-liġi tal-Counselling u anki f’dawn l-aħħar snin introduċejna professjoni ġdida li hija tal-psikoterapija. L-isfidi jikbru, l-isfidi jinbidlu, aħna rridu nikbru u ninbidlu wkoll biex nilqgħu għall-isfidi soċjali.”