Il-Gvern se jestendi u jżid l-ammont tal-għajnuna finanzjarja li kienu qed jingħataw is-sidien tal-bars u l-każini tul dan ix-xahar, hekk kif dawn intalbu jibqgħu magħluqa anke tul Marzu bħala prekawzjoni kontra l-COVID-19.
Kull stabbiliment se jaqa’ f’waħda minn tliet kategoriji:
L-ewwel kategorija se tkopri l-bars li għandhom liċenzja kummerċjali mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li se jieħdu aktar minn tlett elef u ħames mitt ewro.
It-tieni kategorija se tkopri bars li huma parti minn għaqda jew każin, u li se jitħalsu mitejn, tliet mija, ħamsa u għoxrin ewro.
It-tielet kategorija se tkopri kwalunkwe stabbiliment liċenzjat mill-Pulizija, ħlief il-każini politiċi. Dawn se jitħallsu elf, ħames mija, ħamsa u sebgħin ewro.
Dan ifisser li l-Gvern żied l-għajnuna lill-bars u l-każini fuq dan ix-xahar b’minn tal-anqas €300.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, hu u jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda Każini tal-Banda.
Il-Ministru Bartolo spjega wkoll li ladarba stabbiliment ikun applika għall-iskema u tkun verifikata, dan se jitħallas fi żmien ġimagħtejn. Fl-istess ħin, jekk sid ta’ bar ikun gawda mill-iskema tat-tieni kategorija, l-għaqda stess xorta se tkun intitolata għall-għajnuna skont it-tielet kategorija.
Huwa sostna: “L-iskema tal-bars u l-każini qegħdin naraw li nestenduha b’ħames mija u ħamsin elf ewro oħra sabiex b’hekk inkopru x-xahar addizzjonali ta’ għeluq illi qed ikollna nagħmlu minħabba l-miżuri tas-saħħa pubblika. Dan kollu se jkompli jassigura li dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna se jkunu qegħdin jeħduha. Apparti minn hekk dan huwa Gvern għan-nies mhux biss bil-kliem iżda bil-fatti u għaldaqstant qegħdin naraw li nqassru kemm nistgħu l-proċess tal-verifika biex il-pagamenti jaslu għand in-nies fl-iqsar żmien possibbli.”
Il-Ministru Bartolo qal li l-applikazzjonijiet għall-iskema se jkunu miftuħa tul l-ewwel ħmistax ta’ Marzu li ġej. Is-sidien tal-istabbilimenti jistgħu japplikaw permezz ta’ email fuq bcscheme@visitmalta.com billi jikkuntattja l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, jew fuq is-sit tal-Awtorità stess.