Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qed iwaqqaf Kunsill Konsultattiv għall-Ugwaljanza, kif imħabbar fil-manifest elettorali.
Ħabbret dan il-Ministru Helena Dalli waqt laqgħa li kellha mal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa.
Dan se jkun qed jiddiskuti inizjattivi ġodda li jippromwovu ugwaljanza bejn is-sessi, u l-bżonnijiet għal riformi fil-legislazzjonijiet preżenti.
Fil-Kunsill, l-NGOs u rapprezentanti tas-socjetà ċivili se jkollhom l-opportunità jikkontribwixxu direttament fit-tfassil tal-politika tal-Gvern għall-iktar ugwaljanza.
“Din hija wegħda elettorali”, qalet il-Ministru. Żiedet tgħid li l-Parlament se jkun qed jiġi preżentat b’emendi għall-liġi tar-Relazzjonijiet Industrijali sabiex din tirrifletti aħjar il-familji u l-ġeneru u tkun inqas patrijarkali.
Dan se jkun qed iħeġġeġ iktar nisa sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol.