Il-Gvern se juża r-reġistru elettorali biex jieħu l-indirizzi ta’ fejn se jintbagħtu il-vouchers ta’ mitt ewro li se jgħinu lill-familji u n-negozji hekk kif imħabbra fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ disa’ mitt miljun ewro.
Fi stqarrija l-Gvern irrefera għal stejjer fil-mezzi tax-xandir u ppreċiża li għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-Gvern se jkun qed juża r-Reġistru Elettorali tal-Elezzjonijiet Ġenerali, li jinkludi l-maġġoranza assoluta tar-residenti f’pajjiżna, bħala l-pjattaforma li minnha jieħu l-indirizzi ta’ fejn se jintbagħtu dawn il-vouchers.
Il-Gvern irrimarka li dan il-voucher jirrappreżenta flus u mhux ċekk li jistgħu jintefqu direttament fl-istabbilimenti.
Il-Gvern qal li kellu jsib sistema sigura biex jitqassam dan il-voucher, bl-istess mod sigur li jitqassam id-dokument tal-vot.
Il-gvern jikkjarifika wkoll li, ma’ dawn l-indirizzi, hemm ukoll lista aġġornata ta’ detenturi ta’ dokumenti ta’ residenza skont is-sistema ta’ Identity Malta.
Il-Gvern qal li dawn il-vouchers se jitqassmu mill-kumpanija Maltapost.