Il-Gvern se jsaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fil-Komunità, bl-introduzzjoni tal-irwol ta’ Police Patrol and Community Support Officer. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, fejn sostna li qed tiġi implimentata miżura ewlenija tal-baġit għal din is-sena.
L-għan ta’ dan ir-rwol huwa li jkun preżenti fost in-nies, jitkellem magħhom, jissorvelja t-toroq u l-preżenza sservi wkoll ta’ deterrent.
Il-Ministru għall-Intern sostna li din hija l-istrateġija tal-Gvern għal Malta aktar sigura bi preżenza akbar tal-Pulizija, fejn jgħixu, jaħdmu u jiddevertu l-familji.
Il-Ministru Camilleri appella biex dawk li jrid jikkontribwixxu għal Malta aktar sigura u jkunu ta’ servizz għall-pajjiż, jersqu ’l quddiem sabiex jagħżlu din il-karriera.
“Qed nimplimentaw dak li wegħdna fil-baġit għal din is-sena. Qed jiġi introdott rwol ġdid f’dan il-korp tal-Pulizija, il-Police Patrol and Community Support Officer, li se jkun qed jaħdem simili għal kif jaħdem fir-Renju Unit, fejn l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ il-preżenza tal-Pulizija fil-Komunità li jassisti wkoll lill-Pulizija tad-Distrett sabiex f’armonija f’xulxin jista’ jkun hemm mhux biss aktar preżenza, imma aktar deterrent qawwi fil-komunitajiet.”
BYRON CAMILLERI