Approvati l-emendi li ressaq il-Gvern fi stadju ta’ kumitat bil-għan li jissaħħu l-għodod legali provduti lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Dawn l-emendi jipprovdu l-possibilità li l-perjodu ta’ arrest ta’ persuni raġonevolment suspettati li wettqu reati serji, li jġorru piena ta’ 12-il sena jew aktar, jiżdied b’massimu ta’ tmienja u erbgħin 48 siegħa addizzjonali bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard tenna li dawn l-emendi leġiżlattivi jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jiġġieled bis-saħħa l-kriminalità u r-reati serji u ser jibqa’ jinvesti fl-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna għal ġustizzja aktar effettiva.
“Dawn l-emendi leġiżlattivi mhumiex se jnaqqsu jew ibiddlu d-drittijiet tal-akkużat”, spjega l-Ministru Attard.
Il-Ministru Jonathan Attard laqa’ l-fatt li dan l-abbozz sab il-qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra hekk kif l-emendi huma wkoll ta’ natura Kostituzzjonali u jirrikjedu l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament.