Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iressaq mozzjoni fil-Parlament li bih erba’ propjetajiet li l-Università ta’ Malta tamministra jgħaddu formalment għandha.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Università l-antika fil-Belt Valletta, waħda mill-erba’ propjetajiet. Il-binjiet l-oħrajn huma l-Junior College fl-Imsida, il-kampus fix-Xewkija u l-kampus f’Marsaxlokk.
Ir-Rettur tal-Università l-Professur Alfred Vella rrimarka li b’dan il-pass se jiġi konkluż ftehim li kien iffirmat madwar sena ilu, fejn l-Università se takkwista assi li se tkun tista’ tagħmel użu minnhom skont l-esiġenzi tagħha.
Huwa spejga: “Ippoġina fuq sisien iktar sodi, jagħmel possibli affarijiet fil-futur li jippermetti l-Università tagħmel iktar favur riċerka per eżempju, imma anki favur is-servizzi lejn l-istudenti u lejn is-soċjetà għax l-Università qiegħda wkoll fis-soċjetà permezz ta’ din il-propjetà.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet Chris Agius spjega li dawn l-artijiet li sal-lum kienu jaqgħu taħt l-Awtorità tal-Artijiet, għandhom daqs ta’ sittin elf metru kwadru bejniethom u se jgħaddu għand l-Università b’ċens perpetwu.
Irrimarka li dan se jagħti ċ-ċans lill-Università tkompli tagħti servizz utli lis-soċjetà Maltija bħal ma għamlet fl-aħħar 250 sena.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Ian Borg sostna li b’dan il-pass il-Gvern irid università li tkun verament ħielsa fil-ħsieb u kif tiffunzjona.
Semma li dan it-trasferiment huwa eżempju ta’ kif l-Awtorità tal-Artijiet qed tirriforma ruħha u toħroġ skemi biex il-Gvern jamministra l-art tal-poplu bl-aħjar mod possibbli.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa kommess li jagħti l-awtonomija lill-Università bil-fatti.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Ħa jgawdu l-istudenti, uliedna u wlied uliedna li fil-futur jafu li l-università se jkollha assets importanti ħafna fuq il-kotba tagħha li ħa tużahom għal għanijiet edukattivi, dak huwa l-għan prinċipali tal-Università. Bis-saħħa ta’ dawn l-assets, bis-saħħa ta’ dawn il-faċilità li jkollha dawn l-artijiet fuq il-kotba tagħhom, żgur li l-opportunitajiet se jinfetħu iktar għall-Università.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima semma li dan il-ftehim se jpoġġi l-università fuq l-istess pjattaforma ta’ istituzzjonijiet barranin u se ssaħħaħ l-esperjenza għall-istudenti.